KLM u l-Air Malta jinawguraw ftehim ta’ code-share

KLM u l-Air Malta inawguraw il-ftehim ta’ code-share tagħhom. Il-code-share, li beda dan is-sajf, ra lil KLM tagħmel il-kodiċi u n-numru tat-titjira tagħha fuq titjiriet operati mill-Air Malta bejn Malta u Amsterdam.
Dan il-ftehim ippermetta lil KLM toffri lill-klijenti servizzi ta’ kuljum bejn Amsterdam u Malta. It-titjiriet tal-Air Malta lejn u mill-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam jgħaqqdu man-netwerk globali estensiv ta’ KLM. Il-klijenti taż-żewġ linji tal-ajru qegħdin jibbenefikaw minn servizzi ġodda, bħal check-in dettaljat għal passiġġieri b’konnessjonijiet.
Fil-kummenti tiegħu dwar dan il-ftehim, Joseph Galea, il-Viċi Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta qal li “ninsabu tassew eċċitati b’dan il-ftehim ta’ code-share ġdid. Minn Lulju, meta bdejna noperawh, kellna rispons tajjeb ħafna mill-klijenti tagħna. Kemm l-Air Malta kif ukoll KLM jaqsmu l-istess impenn ta’ servizz lejn il-klijenti tagħhom u dan il-ftehim kien pass naturali għalina wara t-tnedija tal-code-share mal-Air France s-sena l-oħra.
Dan il-code-share ġie fi żmien ta’ sinifikanza partikolari għall-Air Malta, hekk kif qegħdin niċċelebraw l-40 anniversarju tagħna ta’ operazzjonijiet lejn Amsterdam Schiphol. Permezz ta’ dan il-code-share, il-klijenti tagħna issa qegħdin f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn aċċċess għal ħafna destinazzjonijiet Ewropej u interkontinentali b’mod partikolari lejn l-Amerika ta’ Fuq, li l-KLM topera minn Amsterdam.”