X’tara f’din il-klinika?

Father Dominic Thiha jeżamina snied soru Kattolika fl-Klinika San Franġisk f’Mandalay li hi t-tieni l-akbar belt fi Myanmar

Kuljum, għexieren ta’ pazjenti, fosthom sorijiet kattoliċi jintasbu fil-kamra tal-istennija ta’ klinika f’Mandaly filwaqt li infermiera tara l-pressjoni ta’ xi pazjenti. F’kamra żgħira fit-tieni sular, Fr Domnic Thiha, id-dentist li jieħu ħsieb il-Klinika San Franġisk tad-djoċesi ta’ Mandalay, qed jagħti trattament tas-snien lil patri Buddista.

Fr Domnic jilqa’ fil-klinika persuni ta’ kull reliġjon jew grupp etniku u jieħu biss ħlas nominali, filwaqt li s-servizz tiegħu jagħtih “b’imħabba u ħniena”.

Il-klinika sservi biex timla l-vojt fis-sistema tas-saħħa ta’ Myanmar li kważi kkollassat tort tat-tmexxija militari tal-pajjiż fl-aħħar 60 sena. Fil-baġit nazzjonali 1% biss imur għas-servizzi tas-saħħa filwaqt li 33% imur għall-Armata. Is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit wara April 2016 meta Aung San Suu Kyi nħatret l-ewwel Kunsillier tal-Istat.

Is-sena li għaddiet in-nefqa għas-saħħa telgħet għal 5.32% tal-baġit nazzjonali li xorta hi ftit ħafna meta mqabbla fuq livell globali u anke reġjonali.

Fr Thiha jara madwar 180 pazjent kull xahar fil-klinika tiegħu fosthom Buddisti, Hindus u Musulmani u naturalment Kattoliċi.  Għalkemm il-professjoni tiegħu hi ta’ dentist fil-klinika jingħataw ukoll servizz lil nies ibatu bi pressjoni għolja, oħrajn bi problemi fil-pulmun u l-fwied u lil dawk li juru sintomi ta’ deni u mard ieħor.  Każi aktar serji jkunu riferuti għal sptar tal-Gvern li hemm fil-qrib.

Il-klinika titlob ħlas ta’ 65c ta’ dollaru jew id-doppju jekk wieħed irid jara speċjalista filwaqt li dawk li ma jifilħux, ma jħallsu xejn anzi jingħataw il-mediċina bla ħlas. Voluntiera Kattoliċi jgħinu fit-tmexxija tal-klinika li tiftaħ mit-8.00 a.m. sas-7.00 p.m. mit-Tnejn sas-Sibt. Fiha jservu disa’ tobba, ħames dentisti, spiżjara u 12-il infermier.

Sister Emilie Cing, il-kaxxiera, tgħid li l-klinika tiddependi minn donazzjonijiet minn ftit benefatturi u familji kattoliċi sinjuri biex tkun tista’ tħallas is-salarji tal-professjonisti mhux voluntiera u tixtri l-mediċini. L-Arċidjoċesi tagħti wkoll miljun Kyatt (daqs $600,000) biex tgħin fl-ispejjeż tal-klinika, iżda dan mhux biżżejjed.

Il-klinika kienet fetħet fl-2003 minn żewġ tobba Kattoliċi, iżda f’Jannar 2014 kien inħakmet min-nirien qawwija u reġgħet fetħet fi tmiem l-2016.

Il-kumpanija tal-farmaċewtika Denk Pharma għenet biex sar ix-xogħol tar-rinovazzjoni tal-klinika.

Mill-2016, Fr Thiha u tim mill-Kummissjoni għall-Kura tas-Saħħa tal-Arċidjoċesi ta’ Mandalay, qed imorru b’mobile clinic f’villaġġi tal-insara, darba kull xahar biex jgħinu pazjenti morda jew li ma jistgħux imorru fil-klinika. Il-mira tas-saċerdot hi li jiġbor fondi biex iwaqqaf teatru tal-operazzjonijiet żgħir u jħarreġ nisa Kattoliċi għax-xogħol ta’ infermiera biex il-klinika ssir aktar sostenibbli.