Kliemu theddida għan-Neoliberaliżmu li jgħawwar lir-ruħ

“Kieku Martin Luther King għadu ħaj, kliemu jaqa’ bħal theddida f’widnejn ħafna minn dawk li llum qed ifaħħruh.”
Dan kien kumment tal-filosfu, attivist u kritiku soċjali Amerikan, Cornel West, f’artiklu li kiteb biex ifakkar il-memorja tal-Mexxej tal-Moviment għad-Drittijiet Ċivili, li lbieraħ għalaq 50 sena mejjet.
Martin Luther King kien inqatel waqt attività f’Memphis, Tennessee, b’tiri sparati meta kien qed jindirizza li-nies minn gallarija.
West irrimarka li t-theddida ta’ King fil-ġranet tal-lum hi waħda spiritwali u morali, u hi l-akbar theddida għall-hekk imsejħa intelliġenza, il-flus u l-bombi tan-Neoliberaliżmu.
Jgħid li f’dan l-anniversarju mill-mewt ta’ King, li jiddeskrivih bħala estremist tal-imħabba u l-ġustizzja, dawn in-Neoliberali tistenniehom bħas-soltu joħorġulek b’dedikazzjonijiet streilizzati, bħal li kieku King kien xi persuna maħbub minn kulħadd.
“Dawn l-istess nies li ma jindunawx li King, minħabba dak li qal, kien mibgħud minn ħafna nies, lanqas jitniffsu fuq suġġetti li li kieku King għadu ħaj illum kien jgħejja jitkellem fuqhom.
West semma suġġetti bħall-faqar, Wall Street, il-gwerer insitigati mill-Amerka, u l-inugwaljanza li kollha ffjorixxew taħt amministrazzjonijiet neoliberali.
Jistaqsi għaliex il-qtil ta’ Afro-Amerikani forsi jċaqlaqhom ftit, imma ma jċaqalquhomx il-massakri fil-Jemen, il-Libja jew Gaża.
Il-filosfu jikkonkludi li dawn in-nies hume beżżiegħa, u jfakkar fi kwotazzjoni ta’ King, “Nippreferi mmut milli nkun beżżiegħ”.
Jisħaq li l-qtil ta’ King irriżulta mit-tiżwiġ bejn is-supremazija razzista tal-elit bojod fil-Gvern Amerikan u dawk in-Neoliberali opportunisti li beżgħu mill-ideat ta’ King kontra l-kapitaliżmu.
Huwa u jsemmi wkoll il-kontribut ta’ attivist ieħor prominenti fi żmienu, Malcolm X, li wkoll kien assassinat, West itemm jgħid li t-tagħlim ta’ King għandu jċaqlaqna biex ma nħallu ebda teroriji neoliberali jiffurmawlna l-karattru ta’ ruħna.
“50 sena wara, leħnu jidwi fiż-żgħażagħ li telgħin u ċ-ċittadini li jiddeċiedu li jkunu estremisti fi mħabbthom, fis-sens ta’ ġustizzja, fil-kuraġġ u fil-libertà, anki jekk iċ-ċans li jirbħu huwa daqs ta’ ballun tas-silġ fl-infern”, jagħlaq il-filosfu Amerikan.