Kliemu stess fake news?

Miguela Xuereb

Fl-2013 Malta kienet fil-45 post fil-lista li tkejjel kemm kull pajjiż igawdi l-libertà tal-istampa. Is-sena li għaddiet Malta niżlet għal 81 post; jiġifieri waqgħa ta’ 36 post f’sitt snin.

Bla dubju ta’ xejn il-kawża prinċipali ta’ din il-waqgħa astronomika kienet l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan l-assassinju seta’ jseħħ biss minħabba li l-istat Malti falla ripetutament mid-dmir tiegħu li jħares lil Daphne, minħabba li l-istituzzjonijiet tal-istat ma ħadmux sew u minħabba li Daphne kienet vittma ta’ kampanja sistematika u organizzata ta’ diżumanizzazzjoni u vilifikazzjoni minn trolls tal-Partit Laburista.

Din l-istess kampanja llum għadha ssir kontra kull ġurnalist li jiftaħ ħalqu. Mur fuq il-Facebook u tinduna kemm dan hu minnu.

L-attakki fuq il-ġurnaliżmu ħieles huma dejjem ħżiena iżda jsiru agħar meta jkunu mrewħa minn Ministru tal-Gvern.

Aaron Farrugia għaxxaqha

Il-Ministru Aaron Farrugia huwa bniedem diċenti għall-aħħar u wieħed mill-aktar Ministri effiċjenti u onesti. Wera dan sa mill-bidu nett li sar Ministru għalkemm il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħass li kellu jiġbidlu widnejh minħabba kif uża flus pubbliċi fuq il-Facebook. Il-Ministru Farrugia jingħata coverage tajjeb fuq il-midja tagħna, kien mistieden aktar minn darba biex jieħu sehem f’diskussjonijiet u sarulu diversi intervisti dwar il-ħidma tiegħu.

Għalhekk ma nafux x’daħal fil-Ministru Farrugia biex nhar it-Tnejn tella’ post fuq Facebook u jikteb FAKE NEWS (is-slogan li juża Trump biex jattakka l-midja indipendenti) fuq ritratt ta’ rapport li deher fuq Newsbook.com.mt. Dan ir-rapport ġab kważi kelma b’kelma dak li l-Ministru stess qal bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari. Aħna ċerti li l-Ministru ma ta l-ebda fake news fil-Parlament u allura ma nistgħux nifmhu kif ir-rappurtaġġ ta’ dak li qal sar fake news.

Il-Ministru qal li l-Ministeru u l-enitajiet li jaqgħu taħtu nefqu xi nofs miljun fuq fjuwil. Fil-Parlament il-Ministru ma qalx kif kienet imqassma dik is-somma u min nefaq xiex. Insomma fl-aħħar mill-aħħar il-Ministru huwa responsabbli għall-Ministeru kollu. Minkejja dan aħna aċċettajna li nġibu breakdown ta’ din is-somma meta din ingħatatilna mill-Ministeru. Farrugia flok infexx jgħajjar lilna missu ra li jagħti informazzjoni dettaljata fil-Parlament.

Ovvjament taħt il-post tal-Ministru nkitbu ħafna kummenti b’insulti, tgħajjir, kliem baxx u kliem ieħor intenzjonat biex jintimidana. Il-Ministru għażel li dawn l-attakki kollha jibqgħu fuq il-Facebook tiegħu meta faċilment setgħu jitħassru. B’din id-deċiżjoni l-Ministru qiegħed indirettament jagħti l-barka lil dawn l-insulti kollha.

Hija għarukaża li fuq Facebook page ta’ Ministru jitħallew kummenti li jinsulentaw u jattakkaw bil-ħsieb li jintimidaw lill-ġurnalisti.

Din Malta mhux il-Korea ta’ Fuq

Attakk ieħor kontra l-libertà tal-istampa sar meta l-Awtorità tax-Xandir ordnat lill-PBS biex ma jxandarx il-mistoqsijiet li jagħmlu l-ġurnalisti wara l-konferenzi tal-aħbarijiet li jsiru mill-Prim Ministru u mid-Deputat Prim Ministru waqt il-pandemija tal-coronavirus.

L-Awtorità tax-Xandir ippruvat tiġġustifika dan l-attakk fuq id-dritt tan-nies li jkunu infurmati. Din id-deċiżjoni tal-Awtorità mhux qed tħalli liċ-ċittadini Maltin li jsegwu lix-xandir pubbliku jaraw kif il-politiċi jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Din id-deċiżjoni tal-Awtorità hija vot ta’ sfiduċja u insult għall-ġurnalisti Maltin. L-Awtorità tax-Xandir taħseb li hija għandha xi dritt tindaħal lill-ġurnalisti xi jsaqsu. L-Awtorità tax-Xandir jidhrilha li l-ġurnalisti għandhom joqogħdu kwieti u minflok isaqsu dak li jidhrilhom huma jsaqsu dak li ma jdejjaqx lill-politiċi. U jekk ma jagħmlux hekk ma tħallihomx jidhru fuq ix-xandir pubbliku.

Ma nafx jekk din kinitx deċiżjoni unanima jew le. Kienet x’kienet hija ta’ għajb għal min ivvota favuriha u hija ta’ għajb għal min (jekk kien hemm min) ivvota kontra u ma ddistanzjax ruħu minnha pubblikament. Il-membri tal-Awtorità jagħmlu sew jiftakru li aħna Malta qegħdin u mhux fil-Korea ta’ Fuq.

Jekk nibqgħu sejrin hekk żgur li se nibqgħu mmorru lura fil-lista tal-pajjiżi li jgawdu l-libertà tal-istampa.