Kliem ta’ mibegħda: “Ħu parir” qabel tmur l-għassa – Dr Lepre

L-avukat Roberta Lepre qalet li min ikun vittma ta’ xi kliem ta’ mibegħda għandu jitkellem mill-ewwel u jieħu parir, qabel ma jieħu passi legali.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, Dr Lepre spjegat li l-kliem ta’ mibegħda jvarja u għalhekk, qabel ma’ wieħed jirrikkorri għal-liġi, għandu jieħu parir biex jara eżatt il-każ tiegħu x’inhu u liema liġi għandha tintuża.
Hija ħeġġet lill-vittmi ta’ dan il-kliem biex ma jiddejqux jitkellmu għax il-liġi toffrilhom protezzjoni.
Dr Lepre spjegat li kliem ta’ mibegħda jista’ jiġi kklassifikat bħala tixwix. Stqarret li jista’ jkollu l-intenzjoni li jhedded jew jinsulenta lil xi grupp partikolari bil-għan li jqajjem antipatija.
Saħqet li f’dawn il-każi, il-liġi tikkontempla ċertu diskors fosthom dwar orjentazzjoni sesswali jew razza partikolari.
Għaldaqstant ċertu kliem ta’ mibegħda jista’ jiġi kklassifikat differenti taħt il-liġi.
Dr Lepre saħqet li minkejja li diversi persuni jesprimu l-kliem ta’ mibegħda mis-siti soċjali, moħbija wara skrin, xorta waħda wieħed għandu r-responsabbiltà għall-kliem li jgħid. 
F’dan l-isfond sostniet li hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni biex in-nies jifhmu l-konsegwenzi ta’ għemilhom.