Kliem San Bartilmew jiġbor fih l-Evanġelju sħiħ- L-Arċisqof

Arkivji

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li San Bartilmew kien wieħed mix-xhud ewlenin tal-glorja ta’ Ġesù.

Fl-omelija tiegħu waqt il-festa ta’ San Bert fil-Għargħur, l-Arċisqof qal li San Bartilmew kien wieħed mill-ewwel xhud tal-glorja sħiħa tal-Mulej. Mons. Scicluna fakkar kif kienet Marija, omm Ġesù, li mbuttat lill-iben ta’ Alla biex jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu, b’referenza għall-miraklu tat-Tieġ ta’ Kana fejn l-Evanġelju jgħid li Ġesù biddel l-ilma fl-inbid. Żied jgħid li San Bert kien hemm ukoll fl-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ Ġesù. Semma kif il-qaddis kien preżenti meta Ġesù ħasal saqajn l-appostli.

Mons. Scicluna qal li kliem San Bartilmew, wieħed mit-12-il appostli, jiġbor fih l-Evanġelju sħiħ speċifikament meta San Bartilmew qal lil Ġesù li huwa iben Alla u s-Sultan ta’ Iżrael. Spjega li dan il-qaddis kien don mibgħut minn Alla għall-ġenituri tiegħu u għal Iżrael. Iddeskrivieh bħala wild il-poplu Lhudi li dejjem kien jixxennaq għall-miġja tal-Mulej. Skont Mons. Scicluna, San Bert huwa wieħed mit-12-il persuna li fuqha huma mibnija l-pedamenti tal-Knisja.