“Kliem Oliver Friggieri bħall-iskalpell tal-kirurgu – jolqtok biex ifejqek” – L-Arċisqof

funeral Oliver Friggieri Arċisqof
Arċidjoċesi ta' Malta

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li kliem il-Professur Oliver Friggieri, partikolarment meta kien juża xi laqta umoristika f’kitbietu, huwa bħall-iskalpell tal-kirurgu li jolqtok biex ifejqek.

Dan qalu waqt l-omelija fil-quddiesa tal-funeral ta’ Prof. Friggieri, li miet is-Sibt, 21 ta’ Novembru, ta’ 73 sena. Il-funeral tiegħu kien organizzat mill-Istat u l-quddiesa saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Bil-ġabra tal-poeżiji ta’ Prof. Friggieri f’idejh waqt l-omelija, Mons. Scicluna qara xi kitbiet tal-poeta u fisser li huwa “xorob qatigħ mill-għajn safja tal-Kelma t’Alla li parti kbira minnha hi letteratura straordinarja.” Qal li għalih, l-antoloġija tal-poeżiji ta’ Prof. Friggieri hija “teżor prezzjuż.” Friggieri kien jaf li l-poeżija, l-għerf u l-maturità jridu jgħaddu mill-għarbiel tat-tbatija. L-għerf ta’ Prof. Friggieri ġie minn don kbir ta’ osservazzjoni tal-umanità, għax tgħallem japprezzaha b’ironija u b’simpatija kbira, fisser Mons. Scicluna, tant li wasal biex jifhem minn xiex hu magħġun il-bniedem.

L-Arċisqof qal li issa qed nirrealizzaw xi tlifna bil-mewt ta’ Prof. Friggieri. Spjega li l-akkademiku kien jitkellem b’umiltà, b’verità, bi kjarezza. Kien jitkellem ċar, iżda ma jweġġa’ qatt. Semma wkoll kemm Prof. Friggieri kellu mħabba lejn Malta, lejn “l-omm li tatna isimha,” u kif huwa kiteb li l-imħabba tgħaddi mill-omm għat-tfal bil-ħeffa, imma viċiversa tbati, għaliex il-Maltin isibuha diffiċli jħobbu lil arthom.

Fit-tislima tiegħu lil Prof. Friggieri, l-Arċisqof issellef kliem Friggieri stess fl-oratorju “Pawlu ta’ Malta” biex ixebbah dan il-kliem ma’ dak il-kliem li jistħajjel lilna ngħidu lil Friggieri: “Ibqa’ magħna, il-Mulej bagħtek fostna […] la titlaqx din l-art.” Iżda hu jwieġeb, “Hemm triq oħra tistennieni, il-Mulej iridni mmur. La tibżgħux, nibqa’ magħkom, dejjem dejjem fil-futur.”

Ikkwota wkoll ħajku tal-poeta li jgħid “Imut poeta/u wrajh iħalli xkora/ta’ sentimenti.” Stqarr li llum aħna parti mill-ixkora li ħalliet warajha mewtu.

Mons. Scicluna qara wkoll tislima personali mill-pinna tiegħu ddedikata lil Prof. Friggieri.

Il-poeżija li kiteb l-Arċisqof
Tislima speċjali