Kliem Ingliż li daħal fil-Malti: Kif ġie deċiż li niktbuh?

Fil-linji gwida tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Mati, li mistennija jiġu ppubblikati x-xahar id-dieħel, wieħed se jsib li kliem mill-Ingliż bħal “roundabout, windscreen, aircraft carrier, microwave” m’għandux jiġi mmarkat bil-korsiv jew bil-grassett (bold).
Dan qalu l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Joe Friggieri, waqt kollegament telefoniku waqt il-programm Follow Up li jixxandar kuljum fuq RTK.
Il-Kunsill ilu jiddiskuti dawn id-deċiżjonijiet seba’ snin, u fost l-oħrajn saru seminars, ġew ikkonsultati persuni li jaħdmu direttament bl-ilsien Malti, fosthom għalliema, ġurnalisti, tradutturi jew pubblikaturi, kif ukoll twaqqaf kumitat tekniku.
F’Novembru li għadda l-kunsill kien diġà ta ħjiel ta’ x’se jkunu wħud mil-linji gwida fid-dokument, ladarba jkun uffiċjali.
Dakinhar intqal li kliem mill-Ingliż li hu kompost, jiġifieri magħmul minn żewġ kelmiet jew aktar, u li daħal fil-Malti, jinkiteb bl-Ingliż u jista’ jiġi mmarkat, jiġifieri jinkiteb bil-korsiv jew grassett.
Friggieri qal li waħda mill-kriterji ewlenin li wasslu biex ittieħdet din id-deċiżjoni huwa l-aspett viżiv. Żied jgħid li din il-linja gwida żgur li se tinżel tajjeb ma’ kulħadd.
X'kienu jgħidu r-regoli ta' qabel?
Dan ifisser li fid-deċiżjonijiet li ġejjin, se tiġi mmodifikata regola li kienet dehret fiż-Żieda mat-Tagħrif tal-1984, li kien essenzjalment żieda ta’ regoli grammatiċi ma’ dawk li kienu diġà dehru f’Tagħrif fuq il-Kitba Maltija tal-1924.
Ir-regola fiż-Żieda kienet tgħid li kliem bħal dan li ssemma, li dakinhar ġie deskritt bħala “ġdid”, trid tinkiteb skont ir-regoli fonetiċi Maltin.
Madankollu dakinhar diġà kien hemm referenza għal kliem li jista’ joħloq konfużjoni jekk jinkiteb bil-Malti kif jinstema’.
Min-naħa tiegħu Friggieri jkompli jgħid li pedament ieħor importanti fit-tfassil ta’ dawn il-linji gwida hu l-flessibiltà. Jiġifieri jekk xi ħadd jagħżel li jikteb kelma b’mod partikulari jista’ jagħmel dan, imma jrid joqgħod attent li jibqa’ jużaha b’dak il-mod, u mhux jibdel kif ifettillu.
Finalment, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti rrimarka li l-kliem barrani ma jidħolx fl-ilsien Malti b’kapriċċ, kif qal li jemmnu xi wħud.
Semma l-kelmtejn “drink” u “xarba”, li skontu ma jfissrux l-istess, għax tal-ewwel tintuża meta wieħed jixrob iżda ma jiskirx, filwaqt li l-oħra tintuża għal meta wieħed jixrob sakemm jisker.
Ikkonkluda li għalhekk “drink” għandna bżonnha fl-ilsien Malti.