“Ma kienx kliem li joħloq mibegħda” – PN

Il-Partit Nazzjonalista ċaħad bil-qawwa dak li qed jgħidu t-22 għaqda mhux governattiva, li fi kliemhom id-diskors tal-bieraħ tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien intenzjonat li joħloq mibegħda, diskriminazzjoni, esklużjoni u vjolenza fil-konfront tal-barranin li jgħixu Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li d-diskors ta’ Adrian Delia kien dwar in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni lejn Malta u li ma kien bl-ebda mod infjammatorju. Kompla jisħaq li Delia la esprima u lanqas mexxa sentimenti li jmorru kontra d-dinjità jew id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Fid-diskors tiegħu lbieraħ, Delia qal li jekk jeżisti l-bżonn li Malta jkollha tilqa’ l-barranin dan għandu jsir meta fi kliemu l-identità tagħhom tkun magħrufa, meta dawn jafu dwar il-kultura Maltija u meta dawn il-barranin jkunu kapaċi jsiru Maltin. Huwa sostna li Malta bħalissa qisha ċatra fejn uħud jiġu hawn biex jaħdmu.

Ir-reazzjoni tal-PN kienet għall-istqarrija maħruġa mit-22 NGO li ddeskrivew id-diskors ta’ Delia bħala wieħed “ta’ stmerrija”. Saħqu li tali diskors m’għandux post f’Malta u appellaw lil Delia u lill-kollegi tiegħu biex ma jagħmlux kummenti ta’ dan it-tip. Fi kliemhom, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa “ħerqan” biex jieħu vantaġġ mis-sentiment populista. Sostnew li huwa mhux talli qed jinnega l-fatturi politiċi li wasslu lil dawn il-persuni f’din il-miżerja, iżda jattakkahom fuq il-fatt li mhumiex Maltin. L-għaqdiet ikkritikaw dan it-tip ta’ diskors bħala wieħed ipokrita u saħqu li dan iqajjem mistoqsijiet dwar l-intenzjonijiet tal-Partit u l-impenn tiegħu lejn il-Kostituzzjoni u l-obbligazzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet umani. L-għaqdiet saħqu li l-ewwel artiklu fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, li jgħid li Malta hi mwaqqfa fuq ix-xogħol u r-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet tal-individwu, għandu japplika għall-persuni kollha li jgħixu f’Malta. Komplew billi qalu li dan ifisser li Malta għandu jkollha soċjetajiet inklussivi irrispettivament mill-karnaġġjon, ġeneru, orjentazzjoni sesswali, età, diżabilità, identità tal-ġeneru u nazzjonalità. Huma fakkru li hemm lista sħiħa ta’ liġijiet li jikkriminalizzaw reati u diskors li jinċita mibegħda.

“Il-Kap tal-PN ikkundanna l-isfruttament ta’ persuni barranin f’Malta” – PN

Il-PN, fl-istqarrija, spjega li n-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern dwar l-immigrazzjoni għandu diversi impatti bħal pereżempju dak soċjali, ekonomiku, ambjentali u infrastrutturali. Il-Partit saħaq li huwa l-obbligu tal-Oppożizzjoni “serja u matura” li tħares l-interess nazzjonali u taċ-ċittadini.  Sostna wkoll li fid-diskors tiegħu l-Kap tal-PN kkundanna l-isfruttament ta’ diversi persuni barranin filwaqt li tkellem favur dawk il-barranin li tħalltu “b’mod pożittiv mal-Maltin u l-familji tagħhom”.  Il-Partit kompla jgħid li kien f’obbligu li jitkellem dwar il-faqar il-ġdid li qed toħloq dik li huwa ddeskriva bħala politika ta’ tkabbir bla rażan.

L-istqarrija ntemmet bil-Partit jgħid li huwa gwardjan kburi tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u fakkar li bħala Partit se jkun qed jiċċelebra l-Indipendenza fil-jiem li ġejjin.

L-għaqdiet li kkritikaw lil Delia huma dawn: il-Fondazzjoni aditus, Allied Rainbow Communities, The Critical Institute, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, Isles of the Left, Jesuit Refugee Service Malta (JRS), KOPIN, LIBICO, Malta Emigrants’ Commission, Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM), Men Against Violence, Migrant Women Association, Moviment Graffitti, Platform of Human Rights Organisations in Malta, il-Fondazzjoni Richmond, SOS Malta, SPARK15, il-Fondazzjoni St Jeanne Antide (SJAF), We Are, Women’s Rights Foundation.

Intant, id-deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista,Therese Comodini Cachia, xerrdet l-istqarrija tal-għaqdiet fuq il-paġna tagħha u qalet li n-nazzjon u l-kultura huma kontra l-kriminalità rrispettivament min-nazzjonalità u r-razza, u li d-diskors politiku ma għandu jiffoka la fuq in-nazzjonalità u lanqas fuq ir-razza. Hi temmet tgħid li l-midja f’Malta għandha ssib qbil li meta tirrapporta reati, in-nazzjonalità jew ir-razza ta’ persuna ma jissemmewx għalxejn.

Our nation and our culture is against crime and criminality irrespective of one’s nationality or race. Political…

Posted by Therese Comodini Cachia on Monday, September 10, 2018