Kliem iebes mill-Papa kontra l-iskjavitù tal-lum

Kliem iebes u dirett mill-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu f’Jum il-Paċi fejn ħeġġeġ lil kull persuna fid-dinja biex tirrispetta d-dinjità tal-bniedem qabel kollox.
Fil-messaġġ tiegħu bit-titlu "Mhux aktar Ilsira iżda Aħwa", il-Papa sejjaħ bħala “pjaga” l-isfruttament tal-bniedem minn bnedmin oħra, u ta eżempji ta’ skjavitù tal-lum minkejja li r-reat hu formalment ipprojbit madwar id-dinja.
Semma l-ħaddiema, anke minuri, li jaħdmu f’kundizzjonijiet fejn in-normi ta’ saħħa u sigurtà ma jeżistux.
Semma l-migranti, li jagħmlu vjaġġ drammatiku, isofru l-ġuħ, titteħdilhom il-libertà u ħafna drabi jispiċċaw vittmi ta’ abbuż, inkluż fiżiku u sesswali.
Tkellem ukoll dwar persuni li jiġu mġegħla jsiru prostituti, fosthom persuni taħt l-età, u skjavi sesswali rġiel u nisa.
Magħhom inkluda lil nisa li jkunu mġegħla jiżżewġu bilfors, jew jinbiegħu biex jiżżewġu.
Il-Papa rrefera wkoll għal dawk li jispiċċaw ittraffikati jew oġġett għall-bejgħ biex minnhom jittieħdu l-organi, dawk li jkunu mġegħla jsiru suldati, dawk li jintużaw biex jittallbu jew ibiegħu drogi jew affarijiet oħra illegali.
Semma wkoll dawk li jinħatfu minn gruppi terroristiċi u li jużawhom bħala ġellieda jew jinqdew bihom għall-iskopijiet tagħhom.
Irrefera wkoll għall-faqar, għan-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u edukazzjoni xierqa, il-korruzzjoni, il-kunflitti armati u t-terroriżmu.
Il-Papa qal li dan kollu jiġri meta d-dnub jherri l-qalb tal-bniedem li jbiegħed lil Alla minn ħajtu.  
Papa Franġisku qal li dan jista’ jiġi miġġieled jekk titbiegħed l-indifferenza ġenerali.
Waqt li semma kongregazzjonijiet reliġjużi li jaħdmu favur il-vittmi, il-Papa qal li hemm bżonn issir ħidma fuq tliet livelli: dak istituzzjonali biex issir iktar prevenzjoni; dak tal-protezzjoni tal-vittmi; u ta’ azzjoni legali kontra min hu responsabbli.
Appella biex il-pajjiżi madwar id-dinja jkollhom liġijiet dwar il-migrazzjoni, ix-xogħol, l-adozzjoni, iċ-ċaqlieq min post għall-ieħor tal-impriżi biex ma jkunx hemm sfruttament tax-xogħol, u biex finalment tiġi rispettata d-dinjità tal-bniedem.
Il-Papa appella wkoll b’mod qawwi lill-konsumaturi biex jaħsbu dwar min ikun għamel il-prodotti li jkunu se jixtru, u biex possibilment jirrifjutaw li jixtru prodotti magħmula f’ċirkustanzi ta’ sfruttament.
Fl-aħħarnett, ressaq appell imqanqal lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex ma jkunux kompliċi fil-ħażen u ma jdawrux ħarsithom in-naħa l-oħra quddiem it-tbatija. Minflok, ħeġġiġhom jimpenjaw irwieħhom biex il-ħajja ta’ dak li jkun tinbidel għall-aħjar, anke jekk bi tbissima jew bil-kelma “bonġu”.