“Klieb f’kundizzjoni ħażina fl-Għammieri”; “Il-Ministeru jgħid li mhux veru”

Mill-Arkivji

Attivisti għad-drittijiet tal-annimali u persuni viċin l-Animal Welfare fl-Għammieri qed isostnu li l-klieb li hemm f’dan ix-xelter jinsabu f’kundizzjonijiet ħżiena. Qed jinsistu li l-kmamar li jgħixu fihom huma esposti għall-kesħa u l-maltemp u m’humiex attrezzati biżżejjed. Fi tweġiba lill-attivisti l-Ministeru kien sostna li dan mhux minnu.

Il-każ ilu jdur fuq il-midja soċjali u anke fuq bloggs għad-drittijiet tal-annimali matul Jannar, wara li persuna li kienet voluntiera fi ħdan l-Animal Welfare tkellmet onlajn dwar il-kundizzjoni tal-annimali. Il-voluntiera kienet ippubblikat messaġġ fuq il-grupp ta’ Facebook RUBS PUPPY LOVE li mbagħad tneħħa ftit tal-ħin wara.

“Il-klieb esposti għall-maltemp” – sorsi

Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt minkejja li l-klieb għandhom spazju mdaqqas fil-kmamar tagħhom, u dawn huma parzjalment imsaqqfa biex jistkennu mix-xita, ma hemmx sistema li tgħinhom iżommu lilhom infushom sħan fiż-żminijiet kesħin tax-xitwa. Is-sorsi spjegaw li l-klieb jitħallew b’saqajhom fl-ilma wara li jinħaslu l-kmamar, għax ma hemmx sistema ta’ dranaġġ tajba.

Ġie spjegat ukoll li dawn il-klieb u anke l-ġriewi, minkejja li jiġu mitmuha, dan mhux biżżejjed u lanqas ma jinħarġu biżżejjed drabi għal passiġġata. Dan minħabba nuqqas ta’ voluntiera u carers.

“Nieħdu d-drittijiet tal-annimali b’serjetà” – Ministeru

Is-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali, li taħtu jaqa’ d-Direttorat tal-Animal Welfare tal-Għammieri kien ġie kkuntattjat mill-blogger Alison Bezzina dwar il-każ. F’risposta li ġiet ippubblikata mill-blogger, il-kelliem għas-Segretarjat u l-Ministeru għall-Ambjent spjega li l-Animal Welfare u l-uffiċjali tagħha jagħmlu minn kollox sabiex jagħtu l-aħjar tip ta’ trobbija lil dawn il-klieb. Spjega li dan b’mod speċjali minħabba li dawn l-annimali jkunu għadhom kemm jiġu salvati minn ambjent xejn sabiħ qabel ma jispiċċaw fil-kustodja tad-Direttorat.

Il-kelliem spjega li bħalissa hemm parti mill-kmamar li jgħixu fihom dawn il-klieb li qed jiġu tranġati u sostna li fiż-żmien li ġej, il-kmamar kollha se jgħaddu minn fażi ta’ manutenzjoni. Insista li d-dimensjonijiet tal-kmamar huma konformi mal-liġi u l-klieb għandhom spazju biżżejjed biex ikunu komdi.

Fit-tweġiba lil Bezzina, il-kelliem għall-Ministeru ħareġ kontra l-allegazzjonijiet li l-annimali qed jitħallew mingħajr ammont ta’ ikel adegwat jew jiġu trattati ħażin. Semma wkoll kif matul is-sena 2018, kien hemm total ta’ 698 kelb salvat, b’500 minnhom tinstabilhom dar.

Silenzju mill-Ministeru

Newsbook.com.mt pprova jagħmel kuntatt mal-kelliem għall-Ministeru li minkejja permezz ta’ telefonata spjega li se jkun qed jibgħat risposta tal-mistoqsijiet bil-miktub nhar il-Ġimgħa li għadda, ir-risposta lil din il-kamra tal-aħbarijiet baqgħet ma waslitx. Newsbook.com.mt għamel kuntatt mad-Direttorat inniffsu wkoll sabiex jipprova jasal għal tweġiba uffiċċjali, madanakollu d-Direttorat tenna li r-responsabbiltà tat-tweġiba għall-mistoqsijiet hija fl-intjier tagħha tal-Ministeru.