Klassijiet żgħar tal-Kinder 1 se jibqgħu mingħajr LSEs – UPE

L-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) ħarġet kontra t-tibdiliet li se jsiru fil-klassijiet tal-kindergarten fis-sena skolastika 2019-2020 fejn fost l-oħrajn il-klassijiet żgħar tal-Kinder 1 se jibqgħu mingħajr LSEs.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-għaqda Graham Sansone ġie spjegat li l-ftehim iffirmat bejn l-Union tal-Għalliema (MUT) u l-Ministeru għall-Edukazzjoni fl-2017 se jkollu implikazzjonijiet diżastrużi. Sansone qal li l-ftehim jgħid li minn Settembru tal-2019, studenti bi bżonnijiet speċjali li m’humiex intitolati għal LSEs one-to-one se jibqgħu mingħajr LSE jekk ikunu fi klassi ta’ 12 jew inqas. Intant jekk il-klassi jkollha 13-il student jew iktar se jkunu intitolati għal LSE tal-klassi li tfisser li l-istudenti kollha bi bżonnijiet speċjali fi klassi waħda jkunu taħt ir-responsabbiltà ta’ LSE waħda.

Il-UPE osservat li dan il-pass se jżid b’mod drastiku l-piż tal-Kindergarten Assistants u l-LSEs mingħajr l-ebda żieda ta’ paga, se jkun hemm ammont drastiku ta’ trasferimenti u fi skejjel tal-Knisja u skejjel Privati se jkun hemm min jispiċċa bla xogħol.

Il-UPE temmen li sistema bħal din għandha garanzija li se tfalli.