Klabb 3-16 Xagħra: Min qed jgħid il-verità? Il-ġenituri jew l-FES?

Verżjonijiet differenti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) u l-ġenituri ta’ tfal li jibagħtu lil uliedhom Klabb 3-16 f’Għawdex, dwar għeluq ta’ xi servizzi.
Sorsi qrib il-Ministeru għall-Edukazzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt li għal din is-sena skolastika, ingħalaq is-servizz ta’ Klabb 3-16 fix-Xagħra, bl-iskuża li “ma kienx hemm biżżejjed interess”.
Is-sorsi qalu wkoll li daħlu madwar 15-il applikazzjoni, li huma aktar mill-medja ta’ kemm normalment japplikaw nies.
Madanakollu, għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-FES irrimarkat li fil-bidu tas-sena skolastika 2017/2018 ma kienx hemm biżżejjed tfal li jixtiequ jattendu fiċ-ċentru tax-Xagħra, sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet.
Il-Fondazzjoni spjegat li fil-bidu ta’ kull sena skolastika tevalwa n-numru ta’ applikazzjonijiet u li f’dak l-istadju jiġi deċiż jekk iċ-ċentru jinfetaħx, filwaqt li tiġi kkunsidrata wkoll il-loġistika tas-sitwazzjoni.
Kien hemm ukoll ġenituri li esprimew l-inkonvenjent bl-għeluq ta’ dan iċ-ċentru. Ma’ Newsbook.com.mt, omm qalet li kellha tħalli l-impjieg biex tiġbor it-tifel mill-iskola. Dan minħabba li normalment kienet taħdem sal-4.30pm.
Barra minn hekk, is-sorsi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni qalu li l-impjegati taċ-Ċentru tax-Xagħra ġew trasferiti kollha fiċ-Ċentru tar-Rabat Għawdex. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Fondazzjoni.
Is-sitwazzjoni wasslet ukoll biex dawk li kienu jaħdmu bejn tlieta u ħamest ijiem fil-ġimgħa, issa qed jaħdmu darba biss. Għal dan l-FES baqgħet tinsisti fuq l-għadd tat-tfal li jattendu ċ-ċentru u l-bżonnijiet li jkun hemm.