Klabb 3-16: Indirizzati l-problemi biex għada jiftħu ċ-ċentri

Għada jiftħu d-diversi ċentri ta’ Klabb 3-16 madwar Malta u Għawdex li din is-sena se jkunu qed jilqgħu fihom ukoll it-tfal li fis-snin li għaddew kienu jattendu SkolaSajf.
Jidher li għada kollox mistenni jimxi kif pjanat u għalhekk is-servizz ta’ Klabb 3-16 ikompli jopera. Dan wara li skont il-President tal-MUT Kevin Bonello, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qed tkompli tindirizza xi problemi f’xi ċentri partikolari.
Il-President tal-MUT qal li s-sitwazzjoni f’xi ċentri tranġat, iżda hemm ċentri li għadhom bl-istess sitwazzjoni tal-bieraħ u għalhekk appella lill-membri biex jekk ikun hemm bżonn isegwu l-pariri mogħtija mill-unjin.
Ilbieraħ, il-Unjin tal-Għalliema qalet li s-sitwazzjoni kienet waħda ‘diżastruża’ hekk kif kien hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li din is-sena ammont rekord ta’ tfal mistennija jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ Klabb 3-16 li tinkludi fiha SkolaSajf. Dan minbarra l-ħinijiet esteżi li fihom il-ġenituri jistgħu jħallu lil uliedhom f’dawn iċ-ċentri.