“Kju għall-vapur ilbieraħ; il-proġett tal-mina jerġa’ jitla’ fuq nett”

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li wara li lbieraħ kien hemm bosta nies li esperjenzaw dewmien biex jaqbdu l-vapur ta’ Għawdex, il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex jerġa’ jitla’ fuq nett tal-aġenda nazzjonali.

Meta kien qed jitkellem fuq l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta, Borg iddefenda l-pożizzjoni tal-aġenzija, li tibda x-xogħol qabel ma joħroġu l-permessi kollha.

“Anki bħala sindku jien dejjem hekk ħdimt, in parellel. Inkella l-ewwel indumu ħames snin biex isiru l-istudji, ħames snin oħra għall-permessi mbagħad 20 sena oħra biex issir il-mina. Issa, jekk inkun hemm problemi b’xi proċess jew ieħor, nieqfu hemm. Hawn qed nagħti eżempju, mhux qed ngħid li l-proġett tal-bini tal-mina se jdum 20 sena,” hu spjega.

Borg b’nofs ċajta qal li xi ħadd bagħtlu messaġġ dalgħodu fejn kitiblu li issa li ġej il-Papa Franġisku mhux se jkollu problema li jrid jirranġa t-toroq ta’ malajr biex jgħaddi minnhom il-qdusija tiegħu l-Papa.

Huwa ddefenda wkoll il-qtugħ tas-siġar biex isiru mill-proġetti. Il-Ministru qal li mhux faċli siġar ta’ żnuber maturi jerġgħu jiġu mħawla xi mkien ieħor. Borg qal li mill-120 triq li saru huma biss tlieta li ħolqu diskussjoni. 

“Jien irid nara li mhux biss niddefendu dik il-fjura rari li titla’ fil-kampanja iżda anki d-dritt tal-bdiewa li fix-xitwa jkollhom aċċess għall-għelieqi tagħhom bl-inġenji tagħhom,” hu qal.