Kjosk u ħanut tax-xorb jiksru r-regolamenti; 81 persuna jeħlu €100

81 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi. Kienu bosta li llum injoraw l-appell imqanqal tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex minkejja t-temp sabiħ jibqgħu ġewwa, u ħarġu fil-kampanja, fuq xi bajja jew għall-passiġġata.

Intant żewġ stabbilimenti nqabdu jiksru r-regolamenti imposti biex jibqgħu magħluqa biex titrażżan l-imxija tal-Coronavirus.Wieħed kien kjosk f’Baħar iċ-Ċagħaq li kien qed iservi l-birra u ieħor ħanut tax-xorb fil-Ħamrun li nqabad bi klijenti jixorbu u jisimgħu l-mużika. Is-sidien ingħataw multa ta’ €3,000 kull wieħed, bil-ħanut tax-xorb fil-Ħamrun jingħata avviż ta’ infurzar.

Intant għat-tielet jum konsekuttiv ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fl-478 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Il-Gvern reġa’ appella lil kulħadd biex ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet. Ħeġġeġ biex wieħed jirrapporta lil min jabbuża fuq 21692447.

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla tħabbar li b’effett immedjat, ir-residenti kollha taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se jkollhom jagħmlu 14-il ġurnata fi kwarantina mandatorja. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara evalwazzjoni tar-riskju li sar fuq cluster ta’ 8 każijiet pożittivi f’dan iċ-ċentru u li rriżultaw bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd. Dawk it-8 persuni mill-ewwel tpoġġew f’iżolament u n-nies li kienu f ’kuntatt magħhom fi kwarantina. Min iħaddem lir-residenti qed jiġi mħeġġeġ biex ma jħeġġuhomx imorru għax-xogħol għaliex ikunu qed jiksru kundizzjoni imposta mil-liġi.

Tliet pazjenti oħra f’Malta fiequ mill-Coronavirus. Dawn huma tifla ta’ 12-il sena, raġel ta’ 55 sena u mara ta’ 23 sena. Dan ifisser li issa hemm total ta’ 5 pazjenti li rkupraw mill-Covid-19.

Illum wara nofsinhar tħabbru 14-il każ ġdid ta’ Covid-19, inkluż mara ta’ 86 sena, kollha kaġun ta’ trażmissjoni lokali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn