Kitba ta’ Raymond Fenech tirbaħ premju internazzjonali

L-awtur, poeta u eks ġurnalist Raymond Fenech rebaħ l-ewwel premju fis-Sezzjoni tal-Komponimenti fil-Kompetizzjoni Letterarja tal-Adelaide Literary Magazine għall-2017 b’The Mysterious Priest.
Dan il-komponiment, li ġie sottomess fis-sezzjoni tan-non-fiction, hu bbażat fuq esperjenza paranormali vera li ġrat lil Fenech u lil martu waqt li kien għaddej minn trattament tal-kimoterapija u f’battalja kontra l-kanċer limfatiku.
Il-komponiment ta’ Fenech ġie ppubblikat on-line fil-sit ta’ Adelaide Literary Award Anthology – Best of 2017 u ġie nnominat mill-Adelaide Literary Magazine għall-Premju Pushcart għall-2017 fl-Amerika.
Fost il-benefiċċji bħala rebbieħ ta’ dan il-premju, Adelaide Publishers se jippublikaw kollezzjoni ta’ komponimenti/memorji ta’ Fenech fi ktieb, u lesti jagħmlulu offerta għal dan il-manuskritt malli jkun lest.
Tista’ tara l-antoloġija hawn.