Kitarra tal-Pink Floyd tinbiegħ €3.47 miljun; rekord fid-dinja

Il-kitarra ta’ David Gilmour, il-Black Fender Stratocaster 1969, inbiegħet  €3.47 miljun għall-prezz rekord mondjali. Il-kitarrista u kantant kien jagħmel parti mill-grupp Ingliż Pink Floyd. Il-kitarra kienet f’irkant fejn il-kitarrista biegħ il-kollezzjoni tal-istrumenti mużikali li kellu għall-prezz totali ta’ kważi €20 miljun.

David Gilmour, li għandu 73 sena, fil-kollezzjoni kellu aktar minn 120 strument. Hu biegħ il-kollezzjoni biex jiġbor fondi għall-ClientEarth li hi karità magħmula minn avukati li l-interess tagħhom hu t-tħaris tal-ambjent.

Ritratt: Matthew Eisman

Il-Black Fender Stratocaster intużat f’diversi albums tal-Pink Floyd fosthom f’The Wall, Wish You Were Here u Dark Side of the Moon li nbiegħet aktar minn 45 miljun kopja u damet 900 ġimgħa fiċ-charts Amerikani, meqjusa bħala waħda mill-akbar albums li qatt kienu rrekordjati.

L-irkant sar mill-kumpanija Christie’s fi New York fejn kienu reġistrati aktar minn 2,000 xerrej minn 66 pajjiż biex jippruvaw jixtru xi strument offrut għall-bejgħ. Tant kien kbir l-interess għal dan l-irkant li kien hemm folla kbira preżenti u minħabba f’hekk kellha tinfetaħ sala oħra biex joqogħdu fiha.

Ir-rekord għall-bejgħ f’irkant ta’ strumenti qabel kien f’idejn Eric Clapton mill-grupp Cream.