“Kissirtulna ħajjitna” – il-mara li ġġarrfet darha f’Tal-Pietà

Miguela Xuereb

Caroline Micallef, waħda mill-vittmi li ġġarrfitilhom darhom f’Tal-Pietà s-sena li għaddiet, indirizzat lill-awtoritajiet u qalet li kissrulhom ħajjithom. Hija stagħġbet kif dawn ix-xhur kollha wara, għadhom bla soluzzjoni.

Il-mara kitbet fi grupp fuq Facebook li ilha bla dar mill-24 t’April tal-2019. Qalet li “għaddew 9 xhur u għadna fejn konna, lanqas ftehim.” Stqarret li dan sar bi traskuraġni kbira, u li kawża t’hekk, tkissrulhom ħajjithom u ta’ familthom.

Dan ġara waqt li l-binja ta’ ħdejn id-dar kienet qed tiġi żviluppata. Fil-bini kien hemm aktar minn erba’ persuni, iżda ħadd ma weġġa’.

Il-każ qajjem furur u wassal anke għal protesta “kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi.” Ma kienx każ għalih, peress li ftit tax-xhur qabel, kien ġara każ simili fil-Mellieħa waqt li anzjana kienet rieqda ġewwa.

Apparti dan, f’Ġunju tal-2019, iġġarrfet blokka t’appartamenti fi Gwardamanġa. F’Lulju, 14-il resident tal-binja li ġġarrfet fi Gwardamanġa ressqu protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur Mohib Abouzidan u l-kumpanija li jirrappreżenta.

Intant, dalgħodu l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela żar l-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi fi Gwardamanġa. Waqt il-laqgħa huwa qal li s-settur tal-kostruzzjoni mhux se jiġi mrażżan.