Kisser umbrelel u saq fuq siġġijiet f’Marsalforn; jinħeles mill-arrest

Aġġornat 07:58 PM
CMRU

Read in English.

Raġel ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun ġie arrestat fir-Rabat Għawdex wara li allegatament saq b’mod perikoluż. Ir-raġel ġie arrestat għall-ħabta ta’ 12am u ttieħed l-Għassa tar-Rabat. Fil-Qorti huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Ir-raġel deher fil-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech.

Huwa ġie akkużat li attakka jew għamel reżistenza u li nġurja u hedded numru ta’ Uffiċjali tal-Korp, li ma obdiex l-ordnijiet li ngħatawlu u li fixkel xogħol il-Pulizija. Kien akkużat ukoll li kiser il-buon ordni, li nstab fi stat ta’ sakra u li saq b’mod traskurat, perikoluż jew bla kont meta ma’ kienx f’kundizzjoni li jsuq u li rrifjuta li jagħti kampjun tan-nifs.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li huma ġew infurmati li persuna kienet qed tkisser xi umberelel u anke saqet bil-vettura tagħha ġos-siġġijiet li kien hemm max-xatt f’Marsalforn. Fi triqithom il-Pulizija lemħu l-karozza li ġiet irrapurtata ssuq b’mod eċċessiv fil-karreġġjata l-ħażina u kienet ġejja fid-direzzjoni tal-Pulizija.  Fortunatament il-Pulizija rnexxielha tevita l-karozza tar-raġel.

Il-Pulizija assistiti mill-Pulizija tal-RIU rnexxielhom jiċċirkondaw lir-raġel u ordnawlu joħroġ mill-karozza iżda huwa ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u beda jheddidhom. Meta rnexxielha tikkontrolla lir-raġel, il-Pulizija ħaduh l-Għassa tar-Rabat Għawdex fejn baqa’ aggressiv. Huwa ntalab biex jagħti test tan-nifs u wara li ġie imwissi diversi drabi r-raġel baqa’ jirrifjuta.