Norman Vella jgħid li d-diriġenti qed jiksru l-istatut tal-PN

Facebook

Diversi Membri tal-Eżekuttiv li attendew għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali jinsabu urtati bl-aġir tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli meta ppropona li nies bħal Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi jitneħħielhom il-vot. Madankollu, f’rejazzjoni għal dan l-artiklu, il-President ta’ l-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, ċaħad li dan il-kliem intqal minn Puli u sostna li kien hu biss li semma lil Fenech Adami i Gonzi, u dan f’kuntest differenti.

Dan wara li l-Kandidat u Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Norman Vella talab li jieħu post Ivan Bartolo li ma attendiex għall-ebda laqgħa tal-Eżekuttiv u qal li temm il-karriera politika tiegħu.

Skont is-sorsi tagħna, Puli argumenta li la darba kemm Fenech Adami kif ukoll Gonzi, naqsu milli jattendu tliet laqgħat bla ġustifikazzjoni għandhom jitkeċċew. Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li b’differenza minn Ivan Bartolo, dawn it-tnejn huma membri tal-Eżekuttiv għal għomorhom u mhux għax ikkontestaw l-elezzjoni għall-Eżekuttiv.

“Kisru l-istatut tal-partit” – Kandidat tal-PN

Fl-ittra mqanqla li Vella bagħat lill-sħabu l-Kunsilliera tal-Partit, huwa jgħid li hemm nies fil-Partit Nazzjonalista li “f’daqqa waħda qed iħossuhom ikbar mill-istatut tal-Partit”. Jgħid li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali, dawn l-istess persuni taw il-poter lilhom infushom li jiddeċiedu li jinkiser l-istatut.

Vella qal li ħass li għandu dritt jinformahom b’dak kollu li ġara, jiġifieri kif hu ma jistax jieħu post Ivan Bartolo li jidher li ma attenda l-ebda laqgħa tal-Eżekuttiv.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, jidher li fil-laqgħa tal-bieraħ, l-Eżekuttiv ġie mgħarraf li għal kull laqgħa, Ivan Bartolo kien javża lill-amministrazzjoni li ma jkunx ġej allura kien skużat. L-istess sorsi qalu li ġie deċiż li ħadd m’għandu jiġi dekadut, mossa li kif ġie spjegat minn Vella fl-ittra tiegħu, qed jinkiser l-istatut.

Norman Vella jgħid li b’konsegwenza ta’ hekk se jitħalla barra mill-Kumitat Eżekuttiv filwaqt li qal li l-post se jibqa’ vojt “għal persuna li m’attendiet qatt (inkluż illejla) u li kitbet pubblikament fil-midja li rtirat mill-politika”.

Minkejja dan kollu li ġara, Vella saħaq li se jibqa’ Kunsillier u se jibqa’ attiv fil-Partit Nazzjonalista u ħeġġeġ lill-sħabu jagħmlu l-istess.

“Nuqqaqs gravi ta’ prudenza” – Sammut lil Vella

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal li l-ittra li bagħat Norman Vella lill-Kunsilliera hija “nuqqas gravi tal-prudenza”. Sammut jispjega li Vella kiteb l-ittra qabel ma rċieva komunikat uffiċjali bil-fatti kif ġraw.

Sammut jgħid li la l-Amministrattiv u lanqas l-Eżekuttiv ma setgħu jonoraw it-talba ta’ Vella minħabba skont il-Partit, Ivan Bartolo kien jibgħat skuża għal kull laqgħa. Kien għalhekk li kif ġie spjegat fl-ittra ta’ Sammut, l-artiklu fejn jgħid li n-nuqqas ta’ attendenza fil-laqgħa ma setgħax jiġi affettwat.

X’kiteb Vella lill-Kunsilliera tal-PN?

Vella jispjega kif f’Novembru li għadda, huwa kkontestata l-elezzjoni għall-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u kiseb 520 vot, iżda ma kienux biżżejjed biex jiġi elett għax ikklassifika bħala runner-up.

Mingħajr ma jsemmi isem Bartolo, Vella jgħid li ġie mgħarraf li hemm persuna li ġiet eletta li ma kienet attendiet għall-ebda laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv u kien għalhekk li talab lill-President Mark Anthony Sammut u lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli biex jieħu postu fl-Eżekuttiv skont l-Artikli 51 u 52b tal-istatut tal-Partit.

X’jgħid l-istatut?

Vella jikteb dwar x’jgħid l-istatut u jsostni: “Artiklu 51 jgħid hekk: Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv huma obbligati li jattendu għas-seduti kollha. Dawk il-membri li jassentu ruħhom għal tliet darbiet konsekuttivi mingħajr ġustifikazzjoni jiddekadu mill-Kumitat Eżekuttiv”.

Artiklu 52b jgħid li għandu ‘jiġi elett dak li jkun ġab l-iktar għadd ta’ voti fl-elezzjoni tal-Kunsill Ġenerali wara dawk diġà eletti’ li f’dan il-każ huwa Norman Vella nnifsu.

Vella jfisser kif il-kelma ‘jiddekadu’ fl-istatut ma tagħti poter lil ħadd fil-Partit jiddeċiedi jekk dawk li jiksru Artiklu 51 jibqgħux fil-Kumitat Eżekuttiv jew le.

Temm jgħid li “r-responsabbiltà għandha tintrefa’ minn min qed jabbuża u min qed iġib ruħu qisu l-Partit huwa tiegħu u jista’ jagħmel bih li jrid u li jfettillu u mhux min jirrispetta r-regoli li fassalna u approvajna flimkien aħna stess u jeżiġi li kulħadd jimxi magħhom”.