“Kisba kbira” għat-turiżmu fil-Parlament Ewropew – Metsola

Il-membru Parlamentari Maltija Roberta Metsola iddeskriviet bħala “kisba kbira” għall-Ewropa t-twaqqif mill-ġdid tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Turiżmu fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Din l-aħbar intlaqgħet ukoll b’sodisfazzjon mill-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti l-MHRA.
Roberta Metsola qalet li t-turizmu huwa settur kruċjali għall-ekonomija Maltija filwaqt li madwar l-Ewropa joħloq 22 miljun impjieg.
Saħqet li se tkompli  ssegwi mill-qrib s-sitwazzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa biex tara kif din tista’ tgħin lil Malta.
Ikkummenta wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat li qal li l-Ewropa għandha l-potenzjal li toffri ekonomija dinamika għas-settur turistiku.
Minkejja dan, sostna dwar il-bżonn kbir ta’ riforma biex ikun hemm regolazzjoni ġusta f’suq kompetittiv.
Biex jinħoloq dan il-grupp ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew, hemm bżonn il-vot ta’ mill-anqas tlett gruppi politiċi.