Kirjiet: Galdes kontra li jiċċekknu l-appartamenti

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-problemi fis-settur tal-kirjiet ma ssolvihomx billi ċċekken id-daqs tal-appartamenti, idea li hu laqqam “sempliċistika”.
Galdes kien qed jirreaġixxi għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar il-proposta ta’ aġent tal-proprjetajiet, jiġifieri li jibni appartamenti ta’ 50 metru kwadru li fihom qal li toqgħod familja.
Simon Debono, l-aġent, qal li jekk jagħmel hekk hu jikkalkula li jsolvi l-problema tal-kirjiet f’Malta f’disa’ xhur, u anki l-problema ġdida ta' nies jorqdu fil-garaxxijiet.
Spjega li f’dan id-daqs kapaċi jpoġġi żewġ kmamar tas-sodda, kċina, living room, kamra tal-ikel u kamra tal-banju.
Meta Newsbook.com.mt talab għar-reazzjoni tas-Segretarju Parlamentari, dan qal li hemm raġunijiet demografiċi u ekonomiċi li ma ssolvihomx b’appartamenti iżgħar, għax joħolqulek problemi oħra ta’ kwalita tal-ħajja tal-familja li tkun tgħix bil-kera.
Galdes qal li appartamenti żgħar lanqas ifissru bilfors prezzijiet orħos.
Barra minn hekk, qal li jemmen li l-aqwa mod kif tagħmel il-proprjeta aktar aċċessibbli hu billi tiddiversifika l-provista, fosthom permezz ta’ Public Private Partnerships (PPP) fis-settur tal-kostruzzjoni u inizjattivi li jirriġeneraw proprjetajiet eżistenti.
F’Ottubru li għadda, Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Sandro Chetcuti kien ippropona idea ta’ PPP f’dal-qasam, meta talab li l-Gvern jagħti l-art tiegħu lill-MDA u tibni hi djar u appartamenti bi prezz irħis għal dawk vulnerabbli.
Dakinhar kien qal li l-ftehim ikun bejn lMDA u l-Awtorita tad-Djar wara li jkun hemm sejħa għall-interess mill-MDA u l-Awtorità tad-Djar lil kull min irid jinvesti f’dal-proġett.
Chetcuti jidhirlu li l-Gvern qed ifalli meta jibni l-akkomodazzjoni soċjali hu, għax qed jissellef biex jibnihom u fl-istess ħin mhuwiex jirnexxilu jikrihom bi prezz baxx daqskemm kieku jirnexxilu l-privat.
Bħalissa qed tiġi ffinalizzata l-White Paper, kif imħabbra fil-Baġit 2018, bi proposti dwar emendi fil-liġi tal-kera.
Proposti oħra tressqu minn 17-il entità mhux governattiva ftit tal-jiem ilu, u fost l-oħrajn ipproponew li titwaqqaf entità pubblika li tirregola l-kirjiet.
L-isfidi tal-kirjiet li dejjem qed jogħlew ħolqu fenomenu ġdid f'Malta, dak ta' nies jew familji li qed jagħżlu li jikru garaxx biex joqogħdu fih.

Newsbook.com.mt kien tkellem ma' Charles Miceli mill-Alleanza Kontra l-Faqar, li qal li għandu jkun hemm assessjar riġidu tal-akkomodazzjoni soċjali minħabba persuni li m'għdhomx jikkwalifikaw li jibqgħu jgħixu f'dawn l-appartamenti.