Kiri f’Malta għall-Għawdxin: Bżonn jew lussu?

Wara l-inizjattiva li ħa l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech biex id-Djoċesi ta’ Għawdex tiftaħ żewġ hostels f’Malta għall-istudenti Għawdex, l-istudenti Universitarji se jerġgħu jqajjmu l-problema tal-kiri tal-appartamenti f’Malta waqt laqgħa tal-Kummissjoni Politika Soċjali.

Dwar dan l-istudenti se jiddiskutu fost l-oħrajn il-mistoqsija jekk il-kiri ta’ appartament f’Malta huwix bżonn jew lussu. Fil-laqgħa tal-lejla li se ssir fis-6.30pm fil-binja Take Off fl-Università ta’ Malta, l-istudenti mistennija li fost l-oħrajn jiddiskutu l-problema tal-kiri ta’ appartamenti li qed jaffaċċjaw l-istudenti Għawdxin meta jiġu joqogħdu Malta biex jistudjaw.

Il-Kummissjoni Politika Soċjali li titlaqqa’ regolarment mill-Kunsill Studenti Universitarji, hija dik l-organu li tiġbor fiha rappreżentanti mill-għaqdiet studenteski kollha, inkluż il-Grupp Universitarji Għawdxin.

Matul tmiem il-ġimgħa li għadda, fil-knejjes kollha ta’ Għawdex inqrat ittra ittra miktuba mill-Isqof ta’ Għawdex fejn fiha ħabbar li d-Djoċesi investiet żewġ hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta.

Kif tista’ tapplika?

Dawk il-familji li jixtiequ jużaw dan is-servizz huma mitluba jiktbu ittra lis-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi, fil-Kurja ta’ Għawdex. It-talbiet kollha jitressqu quddiem bord maħtur apposta, li jagħmel valutazzjoni tat-talbiet. Jista’ japplika kulħadd, imma se tingħata preferenza lil dawk il-każijiet fejn jirriżulta li jeħtieġu l-għajnuna. Peress li dan huwa proġett issussidjat mid-Djoċesi u miż-żewġ Ordnijiet Reliġjużi li semmejt, l-Amministrazzjoni tal-Kurja qed titlob ħlas nominali.