Kindergarten Assistants: Jinbidel ir-riżultat; biża’ li jitilfu xogħolhom

Read in English.

Ħames xhur wara li ħareġ ir-riżultat uffiċjali tal-Kindergarten Assistants, saret reviżjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, li ħalliet lil dawn l-edukaturi bla kliem, bil-biża’ wkoll li jispiċċaw bla xogħol.

Oriġinarjament il-lista ħarġet f’Jannar li għadda, li kienet tinkludi l-pożizzjoni tal-Kindergarten Assistants. L-ewwel 40 kienu ngħataw impjieg fi Frar.

Sorsi qrib il-Ministeru għall-Edukazzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt
li ftit tal-jiem ilu l-Ministeru bagħat imejl lil dawn il-Kindergarten Assistants li r-riżultat ġie rivedut.

Komplew jgħidu li r-reviżjoni wasslet biex hemm min kien fl-20 post u sab ruħu fil-50 post, u għaldaqstant ma baqax jikkwalifika li jkollu l-impjieg, filwaqt oħrajn telgħu għall-40 post mill-130 post.

Il-Kindergarten Assistants li tilfu posthom jinsabu inċerti li se jispiċċaw bla xogħol, filwaqt li oħrajn jista’ jkun li kisbu l-impjieg f’ħakka t’għajn.

Is-sorsi qalu li hemm ċans li jitilfu xogħolhom nies esperjenzati u kwalifikati bi grad ta’ Livell 5 mill-MCAST.

Imejl mibgħuta mill-Ministeru għall-Edukazzjoni lill-applikanti nhar il-Ġimgħa li għadda, u li ra Newsbook.com.mtturi li r-riżultat oriġinali ma  kienx jirrispetta l-kriterji tal-għażla marbuta mal-kwalifiċi.

L-imejl issemmi li kien hemm numru ta’ appelli quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u li wara li eżaminat il-każijiet bir-reqqa ddeċidiet li tirrevedi r-riżultat.

L-applikanti ġew mgħarrfa wkoll li l-Ministeru qed jieħu l-passi fil-konfront ta’ min kien responsabbli, filwaqt li ġew mistiedna, biex min irid ikun jista’ jiddiskuti r-riżultat u għaliex inbidel f’laqgħa jew b’telefonata.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni.