Kimika bil-fosfru intużat “biex toqtol lill-eksspija”

Il-Pulizija Brittanika qalet li l-eksspija Russu, li nstab ma’ bintu l-Ħadd li għadda mitluf minn sensih, ġie vvelenat minn kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Sergei u Yulia Skripal għadhom l-isptar minn dakinhar, u qegħdin f’qagħda kritika, u anki pulizija li kien l-ewwel wieħed fuq il-post qiegħed f’qagħda serja minħabba li bela’ l-kimika.
Hemm anki żewġ uffiċjali oħra li kellhom jittieħdu l-isptar minħabba danni minimi.
Sadanittant, il-Kap tal-Pulizija ta’ Kontra t-Terroriżmu, Mark Rowley, qal li l-kimika ġiet iċċertifikata minn xjenazti tal-Gvern, u qed iqis dan il-każ bħala wieħed maġġuri li jinvolvi attentat ta’ qtil, bil-vittmi magħżula minn qabel.
Madankollu m’hemmx riskju għall-pubbliku ġenerali.
Din it-tip ta’ kimika tista’ taffettwa lill-ġisem jekk tinbela’ jew tinxtamm, iżda tista’ tiġi assorbita anki mill-ġilda u l-għajnejn.
Skripal kien uffiċjal irtirat tal-intelliġenza militari Russa, u fl-2006 kien ikkundannat minn pajjiżu għal 13-il sena ħabs meta nqabad li kien qed jaħdem għall-Ingliżi.
Kien jgħaddi informazzjoni lis-Servizz tal-Intelliġenza Sigrieta Brittanika, l-M16, dwar l-identità ta’ aġenti tal-intelliġenza Russa li kienu jkunu qed jaħdmu pajżana.
Ilbieraħ is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Boris Johnson, ta x’jifhem li l-Ingilterra tista’ ma tiħux sehem fit-Tazza tad-Dinja ta’ Ġunju li se ssir fir-Russja, jekk jinstab li kien hemm attentat ta’ qtil fuq Skripal.
Huwa ġie kkritikat minnufih, u qalulu li din kienet deċiżjoni patetika, iżda malajr fiehem li dak li ried jgħid hu li jkun hemm xi uffiċjali Ingliżi li ma jattendux.
Ritratt: BBC