Kimi Raikkonen jirbaħ l-ewwel tellieqa tal-F1 tal-2013

Illum ingħata l-bidu għall-kampjonat tal-Formula 1 tal-2013 bl-ewwel tellieqa organizzata fl-Awstralja. Is-sewwieq Finlandiż Kimi Raikkonen bil-karozza Lotus rebaħ it-tiġrija, 12-il sekonda quddiem is-sewwieq tal-Ferrari Fernando Alonso. Fit-tielet post spiċċa r-rebbieħ tat-tliet staġuni preċedenti Sebastian Vettel, bil-karozza Red Bull.

Is-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari Felipe Massa spiċċa t-tellieqa fir-raba post, quddiem ir-rebbieħ tal-istaġun tal-2008 Lewis Hamilton. Dan tal-aħħar kellu d-debutt tiegħu mat-tijm tal-Mercedes. Is-sieħeb tat-tim ta’ Sebastian Vettel, Mark Webber temm it-tellieqa fis-sitt post.

Fl-istess tellieqa, Nico Hulkenberg tas-Sauber ma bediex wara li s-sistema tal-fjuwil tal-karozza waqfet. Il-karozzi tas-sewwieqa Nico Rosberg tal-Mercedes u Pastor Maldonado tal-Williams ukoll sofrew xi ħsarat waqt it-tellieqa u kellhom jieqfu.

It-tellieqa li jmiss se ssir nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu fid-disgħa ta’ filgħodu f’Sepang, il-Malasja.