Kikkra kafè sewda tgħinek tirqaq billi taħraq ħafna kaloriji

Skont studju xjentifiku li għadu kif kien pubblikat irriżulta li kikkra kafè sewda tgħinek taħraq aktar kaloriji u b’hekk tista’ tkun ta’ għajnuna biex tonqos fil-piż. L-istudju deher fil-ġurnal xjentifiku Scientific Reports u minbarra l-kafè ingħad li jgħinu wkoll banju u doċċa bl-ilma kiesaħ.

L-istudjużi spjegaw li l-kafè iswed jippromwovu xi ħaġa fil-ġisem li sejħulha brown fat. Meta n-nies jixorbu kikkra kafè deher biċ-ċar li l-ġisem jaħraq aktar kaloriji. Ingħad li l-brown fat mhux xi forma ta’ xaħam imma organu fih innifsu li jiekol l-enerġija mill-ġisem biex joħloq is-sħana. Kien maħsub li l-bnedmin jitilfu  din il-brown fat wara t-tfulija imma studji riċenti wrew li din tilgħab parti wkoll fl-adulti.

Sam Virtue, mill-Università ta’ Cambridge, hu wieħed minn dawk li qed jistħarreġ dwar din il-ħaġa għalkemm ma kienx involut f’dan l-istudju. Hu qal li l-brown fat jagħmel short-circuit liċ-ċelloli biex joħolqu l-enerġija kimika.

“Il-brown fat,” qal Virtue, “jekk titħaddem fil-ġisem ta’ bniedem, taħraq ix-xaħam. Dan ikun ifisser li jonqsu fil-piż u jnaqqsu l-livell tal-glucose fid-demm biex jagħmlu lil dawk li huma ħoxnin anqas suxxettibbli għad-dijabete.”

Michael Symonds mill-Università ta’ Nottingham qal li meta wieħed jinħasel jew jieħu doċċa bl-ilma kiesaħ dan il-fatt iqabbad lill-brown fat biex tibda taħdem u b’hekk taħraq il-kaloriji.

Iżda Virtue qal li l-Ingliżi saru jixorbu kwantitajiet tassew kbar ta’ kafè u ma jidhirx fihom l-effett tal-brown fat. “M’aħniex insiru aktar irqaq,” temm jgħid.