Kif żvolġiet l-ewwel ġurnata tal-10 President ta’ Malta?

Miguela Xuereb

Illum George Vella sar l-għaxar president ta’ Malta.

Il-ġurnata bdiet għall-10 am b’quddiesa solenni fil-Konkatidral ta’San Ġwann fil-Belt Valletta. Din kienet ċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Scicluna qal li r-reputazzjoni tal-pajjiż tissaħħaħ u tikber kemm-il darba jitħaddnu il-valuri tal-integrità, tal-ġustizzja u tas-solidarjetà.

Ritratti: Pajjiż jissaħħaħ jekk iħaddan l-integrità, il-ġustizzja u s-solidarjetà – L-Arċisqof Scicluna

Wara l-quddiesa l-Gwardja tal-Unur tal-Forzi Armati ta’ Malta mmarċjat minn quddiem il-bini tal-parlament lejn Pjazza San Ġorġ. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ingħata Salut Nazzjonali mal-wasla tiegħu fil-pjazza. Il-President Emeritus ingħatat Salut Nazzjonali u ndaqq l-Innu Malti.

Wara, l-attenzjoni daret għal fuq is-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-President. Hemm, George Vella ħa l-Ġurament tal-kariga tiegħu bħala President ta’ Malta. Imbagħad il-President Vella ndirizza mill-mistednin preżenti.

Fl-indirizz tiegħu Vella qal li jinsab onorat bil-kariga tiegħu. Qal li wieħed irid jara li jkun hawn tqassim tal-ġid b’mod ekwu fis-soċjetà. Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-għajnuna soċjali. Qal ukoll li jispera li l-ħajja umana tiġi rispettatata mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Fi kliem Vella, matul il-presidenza tiegħu se jkun qed jaħdem ukoll fuq is-settur edukattiv. Dwar l-ambjent, Vella qal li se jkun qed jirrakkomanda lill-mexxeja tal-pajjiż biex jagħmlu aktar biex dan jiġi mħares. Vella fakkar li parti mill-irwol tiegħu hu li jara li l-kostituzzjoni ta’ Malta tiġi mħarsa.

‘Nispera li nibqa’ nara r-rispett għall-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nifs’ – Il-President Vella

Wara tmiem id-diskors, ħareġ fil-gallerija prinċipali tal-palazz biex isellem lill-pubbliku.

Għas-1.20 pm il-President Vella ngħata Salut Nazzjonali u spezzjona l-Gwardja tal-Unur. Wara kien hemm flypast mill-iskwadra tal-ajru tal-AFM.

Bi skorta tal-Kavallerija tal-Pulizija, il-President telaq lejn il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana. Hemmhekk poġġa kuruna fuq il-monument.

Filmat: Illum jinħatar President ġdid

Mat-tmiem tal-attivitajiet fil-Belt Valletta l-President Vella mbagħad mar fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għamlu żjajjar ta’ korteżija lill-President il-ġdid.

Min hu George Vella?

Skont il-Gvern, it-tabib George Vella serva bħala Deputat Prim Ministru ta’ Malta u bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent bejn l-1996 u l-1998. Serva wkoll bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017. It-Tabib Vella kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1978.

Dr Vella twieled fl-1942 u għex iż-Żejtun. Huwa miżżewweġ ma’ Miriam née Grima. Flimkien għandhom tlett itfal u seba’ neputijiet.

F’Jannar li għadda, it-Tabib George Vella ma kellux kummenti x’jgħaddi dwar l-aħbar li l-Presidenza ta’ Malta qed tiġi offruta lilu, ladarba ttemm il-mandat tagħha l-President Marie-Louise Coleiro Preca f’April li ġej.

Vella kien ukoll deputat mexxej tal-Partit Laburista. Minbarra l-kwistjonijiet barranin, bħala tabib fil-professjoni tiegħu, Dr Vella jħaddan anke kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u l-mediċina. Newsbook.com.mt kien tkellem miegħu f’April tas-sena li għaddiet, meta qal li hu kontra l-IVF, li l-abbozz ta’ liġi dwaru skontu “tgħawweġ l-etika, il-moralità, u d-dinjità umana.”

“Il-liġi dwar l-IVF tgħawweġ id-dinjità umana” – George Vella

Fi Frar li għadda, meta mistoqsi dwar il-possibbiltà li l-President li jmiss ikun George Vella, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Delia qal li huwa jixtieq li l-President ma jkunx elett b’mod partiġġjan u li dwar Vella ma saritx diskussjoni bejnu u bejn il-Prim Ministru.

Filmat: It-tabib George Vella l-President ġdid ta’ Malta

Vella se jkun qed jieħu l-kariga wara l-presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca. Ilbieraħ Newsbook.com.mt ippubblika editorjal li fih faħħar il-ħidma ta’ Coleiro Preca u rringrazzjaha għal dak li għamlet.