Kif wasalna s’hawn

Il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet ma kinitx ġimgħa normali. Bla ma trid kollox isir sekondarju u tkun trid issegwi biex tinforma u taġġorna b’mod li fost il-ħafna għajdut li jkun qed isir tiġi stabbilita l-verità li treġi bla ma tipperikola l-vjaġġ li d-destinazzjoni aħħarija tiegħu hija l-verità. Spiċċajt f’nofs kamra tal-aħbarijiet u servejt ta’ pont għal ħidma bla heda tal-ġurnalisti biex ninforma lil dak li jkun bl-aħħar żviluppi, li f’ħinijiet bdew jinbidlu ma’ kull minuta.

F’dawn il-jiem rajna l-waqgħa tal-ħajt li kien qed jagħmad lil ħafna, li kien inbena madwar moviment li kellu dikjarazzjonijiet sbieħ u ppreżentat bħala ideali għal dik il-Malta li tant ħolmu.

L-indikazzjonijiet huma li dawn l-għanijiet ġew sfruttati minn uħud, biex waqt li r-rota ddur tiġi minsuġa xibka magħmula minn ħjut ta’ kriminalità li nqdew bil-poter biex jinfirxu u jintisġu b’mod li finalment kien fatali.

Fl-istess ħin rajna t-tisħiħ ta’ moviment ġdid li kellu l-għatx għall-verità, iġġeieled għaliha minkejja li kien hemm min ried jiskreditah u jinjorah.

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien il-personifikazzjoni tal-brutalità ta’ din il-fatalità.

F’dawn l-aħħar snin, l-indifferenza lejn il-ġid komuni laħqet livelli għolja għajr għal uħud li minkejja li ġew imżebilħa, ikkritikati f’għadd ta’ istanti mhedda baqgħu jħambqu biex tkun magħrufa l-verità.

Għal ħafna dan kien xkiel, għax l-importanti li r-rota ddur… imma r-rota bdiet iddur…. u ddur u tant daret li wasal biex beda jixxaqqaq il-fus. Is-sinjali bdew jidhru, però f’dawn l-aħħar ħmistax, ix-xamma ta’ kelb wasslet biex il-fus beda jċedi. Il-fus magħmul mil-kredibilità ta’ nazzjon, is-serenità ta’ soċjetà, il-kisbiet tal-ħaddiem bieżel, l-integrità ta’ komunità kummerċjali onesta, il-fiduċja f’dawk l-elementi onesti fil-klassi politika, il-ħsieb kritiku ta’ dawk li jaħsbu u l-ideali ta’ dawk li dejjem ħadmu bla interessi fil-Partit Laburista.

U dan għaliex? Għax it-tribaliżmu politiku ta’ pajjiżna, ir-relattiviżmu ta’ dak li hu sewwa u t-trasfigurazzjoni tal-flus f’alla ġabna f’punt li ma nirraġunawx, ma nifhmux u ninfexxu f’xulxin.

Pajjiżna jinsab għal darb oħra f’salib it-toroq… ikrah.

Id-diskussjonijiet dwar il-bidliet kostituzzjoni jieħdu dimensjoni ġdida fiċ-ċirkostanzi. Ir-Repubblika ta’ Malta ma tistax tibqa’ ddettata mill-klassi politika. Il-ġrajjiet ta’ din il-ġimgħa kkonfermaw l-importanza tal-indipendenza tal-klassi ġurnalistika u tas-soċjetà ċivili.

Ir-repubblika ta’ Malta u anke l-komunità kummerċjali trid tħares lejn dawn iż-żewġ pilastri bħala dawk li jiggarantixxu l-verità u l-indafa biex it-tfal tagħna jgħixu din l-art tibqa’ ħelwa, u ma nistħux ngħidu li din ommna li tagħtna isimna.

Hemm il-bżonn li nifhmu biex ir-rota ddur, il-fus irid ikun sod… għax inkella tieqaf darba għal dejjem. Il-fus ikun sod biss ikun hemm min jindukrah mingħajr biża’ jew favur.

Hekk Alla għinna.