Kif u meta tista’ tivvjaġġa lejn id-9 pajjiżi mħabbra mill-MIA?

Miguela Xuereb

Wara li tħabbar li l-portijiet ta’ Malta se jkunu qed jerġgħu jiftħu mill-1 ta’ Lulju, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar l-iskeda l-ġdida tiegħu ta’ titjiriet li rnexxielu jikkonferma s’issa.

It-titjiriet se jkunu operati minn sitt linji tal-ajru, dawn huma l-Air Malta, Wizz Air, Ryanair, Lufthansa, Luxair u Swiss. It-titjiriet se jkunu qed imorru xi 17 il-ajruport differenti f’disa’ pajjiżi madwar l-Ewropa.

Skont l-iskeda għas-sajf ippubblikata fuq is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-titjiriet se jkunu qed imorru lejn l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, u l-Iżvizzera.

Dan minkejja li l-Gvern ħabbar lista ta’ 19-il pajjiż u fl-aħħar jiem saħansitra ntqal li se jitilgħu għal 24 pajjiż li huwa meqjus bħala “safe corridor”. Newsbook.com.mt staqsa x’inhi r-raġuni li għaliha m’hemmx vjaġġi għall-pajjiżi kollha fil-lista. Kelliema għall-ajruport spjegat li fil-lista tal-Gvern hemm pajjiżi li Malta qatt ma kellha titjiriet diretti għalihom. Spjegat ukoll li bħala ajruport, flimkien mal-awtorità lokali għat-turiżmu u l-linji tal-ajru sħab tagħha qed taħdem sabiex bil-mod il-mod terġa’ tibni n-netwerk ta’ destinazzjonijiet li kellha qabel. Qalet li dan huwa proċess li jieħu ż-żmien.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet ukoll lill-Ministeru għat-Turiżmu fejn staqsa jekk hemmx ħsieb li Malta tippermetti vjaġġar lejn pajjiżi ‘l barra mill-Ewropa. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni, il-Ministeru kien għadu ma bagħatx risposta dwar dan.

L-Awstrija

It-titjiriet lejn l-Awstrija se jkunu operati mill-Air Malta u Wizz Air u t-tnejn se jkunu qed imorru minn u lejn Vjenna. It-titjiriet tal-Air Malta mistennija jibdew fit-2 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tnejn, Ħamis, Ġimgħa, Sibt u Ħadd. Dawn se jibqgħu sejrin sa’ Settembru. It-titjiriet bil-linja Wizz Air se jibdew mill-4 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tlieta u Sibt u se jibqgħu sejrin sa Ottubru.

Ir-Repubblika Ċeka

It-titjiriet lejn ir-Repubblika Ċeka se jkunu operati mill-Air Malta u se jkunu qed imorru minn u lejn Praga. It-titjiriet mistennija jibdew fl-4 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tlieta u Sibt. Dawn se jibqgħu joperaw sa Settembru.

Id-Danimarka

It-titjiriet lejn id-Danimarka se jkunu operati mir-Ryanair u se jkunu qed imorru minn u lejn Billund. It-titjiriet mistennija jibdew fis-6 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tnejn. Dawn se jibqgħu joperaw sa Ottubru.

Il-Ġermanja

Il-Ġermanja huwa l-aktar pajjiż li se jkun hemm titjiriet lejh f’ajruporti differenti. It-titjiriet se jkunu operati minn tliet linji tal-ajru differenti.

Ryanair se tkun qed tħaddem it-titjiriet tagħha għad-destinazzjonijiet kollha sa Ottubru. It-titjiriet tagħha lejn Baden-Baden se jibdew fl-4 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tlieta u Sibt. It-titjiriet lejn Berlin-Schonefeld se jibdew fit-2 ta’ Lulju kull nhar ta’ Ħamis u Ħadd. It-titjiriet lejn Cologne se jibdew fl-4 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tlieta u Sibt.

L-Air Malta se tkun qed tħaddem it-titjiriet tagħha sa Settembru. It-titjiriet tagħha lejn l-ajruporti ta’ Berlin-Tegel u Dusseldorf se jibdew fl-1 ta’ Lulju kull nhar ta’ Erbgħa u Ħadd. It-titjiriet lejn Frankfurt se jibdew mit-2 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis, Ġimgħa u Ħadd. It-titjiriet lejn Munich se jibdew fl-1 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa, Sibt u Ħadd.

Il-Lufthansa se tkun qed topera t-titjiriet tagħa sal-5 ta’ Lulju biss. It-titjiriet tagħha lejn Frankfurt se jibdew mit-3 ta’ Lulju. Dan filwaqt li lejn Munich it-titjiriet se jibdew fit-2 ta’ Lulju.

L-Ungerija

It-titjiriet lejn l-Ungerija se jkunu operati mir-Ryanair u Wizz Air u t-tnejn se jkunu qed imorru minn u lejn Budapest. It-titjiriet tar-Ryanair mistennija jibdew fit-3 ta’ Lulju kull nhar ta’ Tnejn u Sibt. Dawn se jibqgħu sejrin sa’ Ottubru. It-titjiriet bil-linja Wizz Air se jibdew mit-2 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis, Ġimgħa u Sibt u se jibqgħu sejrin sa Ottubru.

L-Irlanda

It-titjiriet lejn l-Irlanda se jkunu operati kollha mir-Ryanairu se jmorru lejn Cork u Dublin. It-titjiriet lejn Cork mistennija jibdew fit-2 ta’ Lulju kull nhar ta’ Ħamis u Ħadd. Dawn se jibqgħu sejrin sa’ Ottubru. Dwar Dublin, ir-Ryanair għandha żewġ skedi. L-ewwel waħda se tibda mill-1 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa. Mill-1 ta’ Awwissu mbagħad se tibda topera titjiriet is-Sibt u l-Ħadd. Fiż-żewġ każijiet it-titjiriet se jibqgħu sejrin sa Ottubru.

L-Italja

It-titjiriet lejn l-Italja se jkunu operati mill-Air Malta u r-Ryanair u t-tnejn se jkunu qed imorru minn u lejn Katanja. It-titjiriet bil-linja Air Malta se jibdew mill-1 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ħamis, Ġimgħa, Sibt u Ħadd u se jibqgħu sejrin sa Settembru. It-titjiriet tar-Ryanair jinqasmu f’żewġ skedi. L-ewwel waħda se tibda mill-1 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd. Mill-1 ta’ Awwissu mbagħad se tibda topera titjiriet il-Ħamis u s-Sibt. Fiż-żewġ każijiet it-titjiriet se jibqgħu sejrin sa Ottubru.

Il-Lussemburgu

It-titjiriet lejn il-Lussemburgu se jkunu operati minn tliet linji tal-ajru, l-Air Malta, ir-Ryanair u l-Luxair. It-titjiriet bil-linja Air Malta se jibdew mill-4 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tlieta u Sibt u se jibqgħu sejrin sa Settembru. It-titjiriet tar-Ryanair se jibdew mis-6 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Tnejn u li jibqgħu sejrin sa Ottubru.  It-titjiriet tal-Luxair se jibdew mil-4 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Sibt u li jibqgħu sejrin sa Ottubru.

L-Iżvizzera

It-titjiriet lejn l-Iżvizzera se jkunu operati minn żewġ linji tal-ajru, l-Air Malta u Swiss. Dawn se jkunu qed isiru lejn żewġ ajruport f’Ġinevra u Zurich. It-titjiriet lejn Ġinevra se jkunu operati mill-linja Air Malta. Dawn se jibdew mis-6 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa u se jibqgħu sejrin sa Settembru. Xi titjiriet lejn Zurich se jkunu operati mill-Air Malta. Dawn se jibdew mis-7 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Tlieta, Ġimgħa u Sibt u li jibqgħu sejrin sa Settembru.  It-titjiriet ta’ Swiss se jibdew mil-10 ta’ Lulju b’titjiriet kull nhar ta’ Ġimgħa u Ħadd u li jibqgħu sejrin sa Awwissu.