Kif tnaqqas 15km fil-ġimgħa mill-vjaġġi tal-karozza

Il-Grupp Bicycle Advocacy Group BAG ippropona tliet riżoluzzjonijiet għall-Maltin għas-sena l-ġdida li permezz tagħhom jibdew jgħixu stil ta’ ħajja aħjar.  L-ewwel riżoluzzjoni hija dik li l-Maltin iridu jnaqqsu 15-il kilometru fil-ġimgħa mill-vjaġġi li jagħmlu bil-karozza. Qalet li dan jista’ jsir jekk għal tliet darbiet fil-ġimgħa, persuna tibda timxi jew taqbad rota biex tmur f’post li jkun sa 2.5 kilometri ‘l bogħod u lura.

Il-BAG spjegat li t-tieni riżoluzzjoni hija marbuta mal-ewwel waħda għax hija dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-fuel għas-sewwieqa Maltin, li qalet għandhom jiffrankaw mal-€10 fix-xahar.

It-tielet riżoluzzjoni li qed tipproponi l-BAG hija żieda fil-livell ta’ eżerċizzju fiżiku, li jrid isir wara li jittieħed parir ta’ tabib.

Il-grupp qal li minkejja t-twessiegħ tat-toroq, il-livell tat-tniġġiż f’Malta qed jersaq dejjem aktar qrib ir-residenzi. Qal li r-rata tal-obeżità tal-Maltin tibqa’ ta’ tħassib l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku.

Il-BAG qal li biex is-sitwazzjoni titjieb, hemm bżonn aktar minn bidliet infrastrutturali għax irid ikun hemm bidla sħiħa fil-mentalità tal-Maltin.