Kif tistgħu tieħdu sehem fl-isfida ‘Aqra fis-Sajf 2019’?

Biex tiċċelebra ħames snin ta’ kampanji favur il-qari fis-sajf, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda tħeġġeġ lit-tfal biex jieħdu sehem fl-isfida ‘Aqra fis-Sajf 2019’.

L-animaturi tal-qari tal-Aġenzija se jkunu qegħdin iqassmu fuljetti apposta fiċ-ċentri ta’ Skolasajf. Kull fuljett se jkun fih ħames sfidi/attivitajiet ta’ tagħlim li jħeġġu lit-tfal jieħdu gost jaqraw aktar fis-sajf. Min jirnexxilu jlesti l-isfidi kollha, jista’ jissottometti l-fuljetti tiegħu lill-Aġenzija.

Din il-kompetizzjoni hija miftuħa għal tfal bejn 5 u 16-il sena u tagħlaq nhar il-Ġimgħa, 30 t’Awwissu 2019. Il-fuljetti se jitqassmu fiċ-ċentri kollha ta’ Skolasajf. Min jixtieq jista’ jiġbor kopja ta’ dan il-fuljett mil-libreriji pubbliċi jew mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Ħamrun.

Il-kampanja Aqra fis-Sajf 

Dan is-sajf, għall-ħames sena konsekuttiva, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed torganizza l-kampanja Aqra fis-Sajf bil-għan li t-tfal ma jitilfux il-kisbiet li jkunu akkwistaw matul is-sena skolastika.

Waqt din il-kampanja, se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ Qari Flimkien f’51 ċentru ta’ Skolasajf f’Malta u Għawdex. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari għall-gost se jingħataw minn animaturi tal-qari li se jitħarrġu mill-Aġenzija. Barra minn hekk, l-Aġenzija se tibqa’ għaddejja wkoll bil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me u Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories f’libreriji u postijiet pubbliċi matul is-sajf.

It-tfal li matul is-sena attendew il-programm tal-litteriżmu għall-familja Nwar, se jsegwu l-programm ta’ qari gwidat Klabbsajf. Għall-ewwel darba, l-Aġenzija se torganizza wkoll il-programm SURF (Summer Reading Fun) għat-tfal li attendew il-programm Reading Recovery matul is-sena skolastika. L-istudenti li se jattendu Skolasajf se jingħataw l-opportunità jieħdu sehem f’attivitajiet tal-programm Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/Footballer’s Read and Write Programme. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se toffri l-programm Għidli Storja/Tell Me a Story fis-sajf ukoll, li se jiffoka fuq l-irrakkontar ta’ ħrejjef u leġġendi bil-Malti u/jew bl-Ingliż.

Aqra fis-Sajf tiġi organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Bord tal-Għotjiet tal-Manteniment għall-Istudenti, l-entità Libreriji Maltin, id-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba ewlenin.

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq il-kampanja, jista’ jżur il-paġna tal-Facebook ta’ Aqra fis-Sajf jew iċempel 2598 2992.