Kif tista’ żżomm ruħek attiv mingħajr ma tonfoq flus?

Taħseb li għandek wisq x’tagħmel biex tagħmel xi naqra ta’ eżerċizzju? Meta jkollok ġurnata mimlija daqs bajda xorta waħda tista’ tagħmel eżerċizzju ħafif tul il-ġurnata biex iżżomm ruħek attiv. Dawn li ġejjin huma eżerċizzji faċli li tista’ tagħmel u aħjar minn hekk, b’xejn!

Jekk għandek kelb id-dar, oħorġu dawra fil-viċinanzi ta’ fejn toqgħod. M’hemmx bżonn pass mgħaġġel jew xi dawra twila. Tal-inqas tkun qed tiċċaqlaq ftit.

Ħu lit-tfal jew lil xi persuna oħra miegħek għal mixja. Xejn xejn tkun qed tnaqqas il-ħin li t-tfal jagħmlu quddiem xi screen fil-vaganzi tas-Sajf.

Veru li sħana wisq biex toħroġ tul il-ġurnata imma dejjem tista’ forsi tmur iddur f’xi kumpless tal-ħwienet. Tal-inqas l-arja tkun ikkundizzjonata u ma tħossx l-effetti tax-xemx.

Tista’ wkoll tagħmel xi eżerċizzju d-dar. Hemm numru ta’ vidjows li tista’ ssib onlajn u timxi pass pass magħhom.

Għalkemm qegħdin fl-eqqel tas-Sajf, xorta hemm metodi ta’ kif wieħed jista’ jżomm ruħu attiv filwaqt li jevita x-xmux.