Kif tista’ trawwem il-qari fit-trabi?

Is-smigħ ikun ġa żviluppa fil-ġuf tal-omm u t-tarbija tkun ġa tisma’ l-lingwa qabel ma titwieled.

Dan l-iżvilupp jikkumplimenta l-kisba tal-litteriżmu aktar ‘il quddiem.  Għaldaqstant huwa importanti li l-ġenituri/kustodji jkunu jafu kif ikellmu lit-tarbija tagħhom u kif jesponuha għall-kotba tal-qari addattati għall-età tagħha.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed torganizza taħdita lill-familji li jkunu qed jistennew tarbija fejn b’mod interattiv jitgħarrfu kif jiżviluppaw il-ħiliet tal-litteriżmu ta’ wliedhom minn qabel ma jitwieldu.  It-taħdita ssir kull ġimgħa fil-Parentcraft Services, l-Isptar Mater Dei u l-familji jistgħu jagħżlu li jattendu taħdita bil-Malti jew bl-Ingliż.

Sal-aħħar ta’ Ġunju 2019, attendew għat-taħdita 50 persuna. L-ewwel taħdita f’Għawdex se ssir is-Sibt 3 ta’ Awwissu fis-sala tal-maternità, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fit-taħdita, il-ġenituri/kustodji jiġu mħajra jattendu s-sessjonijiet tal-programm Aqra Miegħi/Read with Me. Dawn is-sessjonijiet bla ħlas isiru kull ġimgħa f’libreriji pubbliċi, ġonna, swali tal-kunsilli lokali u skejjel primarji.

Min ikun jixtieq jattendi għandu jidħol fil-paġna tal-Facebook ‘Aqra Miegħi’ fejn kull ġimgħa tittella’ l-iskeda jew iċempel 2598 2999.