“Kif tista’ tkun favur il-ħajja imma tarmiha bħal skart?” – L-Isqof Awżiljarju

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi staqsa kif tista’ persuna tkun favur il-ħajja, iżda fl-istess waqt tarmi l-ħajja umana li għadha kemm tnisslet daqslikieku kienet skart għax vulnerabblu u forsi ma tissodisfax il-kriterji ta’ dak li jkun.

Mons. Galea Curmi kien qed jagħmel l-omelija tiegħu fil-festa tal-Madonna tal-Abbandunati fil-kappella ddedikata għaliha fil-Wardija. Hu sostna kif illum il-ġurnata hemm għaddejja proposta li tista’ twassal għal tip ta’ abbandun ġdid fis-soċjetà Maltija. Hu semma l-preimplantation genetic diagnosis (PGD) li spjega li tfisser li ħajja umana tiġi eżaminata fil-bidu nett tagħha, meta tkun imnissla u jekk tinstab li għandha xi difett jew nuqqasijiet tiġi abbandunata.

Hu talab sabiex il-Madonna tgħin lill-bnedmin jgħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

“Għall-Knisja ma tagħmilx differenza jekk persuna hix bjonda jew skura”

L-Isqof Awżiljarju rrefera għal abbandun ieħor, propju l-abbandun ta’ persuni minħabba l-kulur jew razza tagħhom li jitwarrbu fil-ġenb u jsiru qishom nies tat-tieni klassi jew saħansitra tal-ebda klassi. Sostna li l-Insara jemmnu li bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla u d-dinjità li għandha kull persuna ġejja mill-fatt li hi bniedem. Sostna li għall-Knisja ma tagħmilx differenza jekk persuna hix bjonda jew skura jew jekk hix ġejja mill-Ewropa, mill-Afrika jew minn xi kontinent ieħor.

“Hawn min spiċċa waħdu u ħadd ma jagħti kasu”

Mons. Galea Curmi spjega li hawn ħafna persuni li spiċċaw abbandunati jgħixu waħedhom u ħadd ma jagħti kashom. Qal li hemm persuni l-isptar u ħadd ma jmur jarahom. Spjega li l-Knisja għandha diversi komunitajiet li jżuru lil dawk li huma waħedhom, li jisimgħuhom, jagħtuhom l-għajnuna li għandhom bżonn. Semma wkoll li hemm min jgħix waħdu imma jħossu ħafna waħdu u jkollhom bżonn lil xi ħadd ma’ min jiftħu qalbhom.