Kif tista’ tipproteġi għajnejn it-tfal meta jqattgħu sigħat twal quddiem kompjuter?

Kemm minħabba l-iżviluppi fit-tekonolġija, kif ukoll minħabba l-pandemija tal-coronavirus, illum il-ġurnata, it-tfal huma esposti aktar għall-ħinijiet twal quddiem screens. Dan il-ħin twil esposti għal screen jista’ jikkawża dannu fuq l-għajnejn. Newsbook.com.mt tkellem mal-Oftalmologa Dr Maria De Bono Agius dwar il-kundizzjoni magħrufa bħala l-Computer Eye Syndrome. Magħha rajna kif wieħed għandu jipproteġi għajnejn it-tfal.

Dr De Bono Agius spjegat li din il-kundizzjoni hija kkaratterizzata minn numru ta’ sintomi u tiġi għax wieħed iqatta’ ħafna ħin quddiem laptops, mobiles, kompjuters, e-readers, tablets eċċ. Qalet li iktar ma wieħed iqatta’ ħin b’dan il-mod, iktar hemm ċans jiżviluppa din il-kundizzjoni. “Jekk tagħmel bejn tmien u għaxar sigħat kuljum quddiem screen din se taqbdek,” spjegat it-tabiba.

Hi sostniet li hija xi ħaġa komunissima u normalissima li xi darba f’ħajjitna se nesperjenzaw din il-kundizzjoni. Qalet li dan partikolarment minħabba l-mod kif il-bnedmin kellhom jaddattaw minħabba din il-pandemija, b’ħafna mix-xogħol jispiċċa jsir quddiem screen.

X’inhuma s-sintomi?

  • Għajnejn isiru aktar ħomor
  • Skumdita bħas-sensazzjoni ta’ ġebel jew ramel f’għajnejh
  • L-għajnejh jixxuttaw ħafna aktar malajr
  • Il-vista ma tkunx daqshekk ċara għax l-għajn tkun xotta
  • Uġigħ ta’ ras jekk il-vista ma tkunx ikkoreġuta tajjeb
  • Uġigħ fl-għonq u fid-dar jekk l-iscreen ma jkunx livellat kif suppost.

Computer Eye Syndrome u t-tfal

It-tabiba spjegat li aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikun hawn tfal li qed taqbadhom din il-kundizzjoni. Sostniet li din il-kundizzjoni ma kinitx tidher fit-tfal qabel, iżda kienet komuni qalb l-adulti. “Iżda issa, minn etajiet żgħar, it-tfal qed jużaw laptops u tablets u anke l-lezzjonijiet issa qed isiru online,” irrimarkat Dr De Bono Agius.

It-tfal x’jistgħu jagħmlu biex jipproteġu għajnejhom?

  • Isir check-up tal-vista u jkun determinat jekk hemmx xi tip ta’ difett fil-vista biex din tiġi kkoreġuti b’lenti addattata.
  • Ir-riċerka wriet li meta nħarsu lejn screen ma nteptpux għajnejnha kemm suppost. Lit-tfal nistgħu ngħallmuhom biex ikunu aktar konxji li jridu jteptpu għajnejhom meta jkunu qed iħarsu lejn l-iscreen.
  • Isir użu ta’ dmugħ artifiċjali (ħafna minnhom huma kważi naturali u mingħajr użu ta’ preżervattivi) matul il-ġurnata.
  • Il-pożizzjoni tal-iscreen għandu ikun addattat għall-pożizzjoni li fiha huma bilqiegħda t-tfal. Qalet li l-parir huwa li l-iscreen inkun minn 15 sa 20 grad taħt il-livell tal-vista biex b’hekk ħafna mill-għajn tkun mgħottija bil-kappell u jkun hemm inqas esponiment.
  • Importanti li ma jkunx hemm riflessjonijiet mit-twieqi fuq l-iscreens. Jekk dan mhux possibbli jistgħu jiġu introdotti filters li jitpoġġew quddiem l-iscreen. Dawn ikunu matti u jassorbu r-riflessjonijiet.
  • Id-dawl tal-kamra għandu jkun addattat u ma jikkawżax riflessjonijiet fuq l-iscreens.
  • Il-pożizzjoni ta’ kif ipoġġu bilqiegħda t-tfal hija wkoll importanti biex ma jikkawżawx uġigħ fid-dar u fl-għonq.

L-għalliema kif jistgħu jgħinu?

Dr De Bono Agius qalet li meta wieħed jitkellem dwar id-digital eyestrain, tissemma r-regola magħrufa bħala 20-20-20. Qalet li din tfisser li għal kull 20 minuta li wieħed jagħmel quddiem l-iscreen, jieqaf għal 20 sekonda jħares lejn oġġett li jinsab 20 pied ‘il bogħod. “Dan huwa eżerċizzju li jistgħu jagħmlu t-tfal mal-għalliema tagħhom fejn jekk għandhom lezzjoni ta’ siegħa, jistgħu jieqfu darbtejn flimkien għal 20 sekonda u jserrħu għajnejhom u jħarsu 20 pied ‘il bogħod,” spjegat l-Oftalmologa.

Il-coating fuq in-nuċċali huwa importanti

Dr De Bono Agius spjegat li meta wieħed jagħmel nuċċali, jintalab jispeċifika liema tip ta’ coating inkun jixtieq fuq il-lenti. Qalet li l-aktar tip ta’ coating bażiku huwa l-anti-reflective coating, li jfisser li jekk hemm riflessjonijiet se jkunu assorbiti minn dan il-coating. Spjegat li wieħed jinduna li nuċċali għandu dan it-tip ta’ coating meta jipprova jieħu ritratt ta’ xi ħadd bin-nuċċali u n-nuċċali ma jirriflettix iżda jidher matt. Jekk ma jkollux il-coating, in-nuċċali jibda jidher ileqq.

Spjegat li jeżistu wkoll dawk li jgħidulhom blue light filters. Il-blue-light huwa d-dawl li jkun trażmess mill-iscreens u dawn il-filters jaħdmu biex jassorbu dan id-dawl. Dan it-tip ta’ dawl jikkawża għajn xotta. “Jekk wieħed qed jesperjenza ħafna ħruq fl-għajnejn u għajnejn xotti u jaf li x-xogħol tiegħu jirrikjedi li jkun quddiem il-kompjuter għal tul ta’ ħin, iva nirrakkomanda li jilbes nuċċali b’dan it-tip ta’ filter. Anke jekk m’hemmx bżonn li wieħed jilbes nuċċali, jista’ jilbes nuċċali finta li jkollu biss filter tal-blue light,” irrimarkat l-Oftalmologa.

Filmat: Miguela Xuereb