Kif tista’ tikkuntenta lit-tfal bla ma tonfoq ħafna flus?

Il-vaganzi tas-sajf jagħtu ċ-ċans lil bosta ġenituri jqattgħu ħin ma’ wliedhom, madanakollu ħafna drabi din tista’ tirriżulta f’ħafna nfiq ta’ flus.

Iżda jekk wieħed jaħseb sew dwar x’jista’ jagħmel fis-sajf jirrealizza li mhux kull attività se tispiċċa tonfoq ġidek magħha.

X’tista’ tagħmel ma’ wliedek mingħajr ma tonfoq ħafna flus?

  1. Irranġa rota antika – jekk għandek rota antika, tista’ tirranġaha ma’ wliedek imbagħad tibda teħodhom isuquha waqt xi piknik tal-familja.
  2. Ħeġġiġhom ikabbru l-pjanti – it-tfal iħobbu jħammġu jdejhom. Għalhekk jekk għandek ġnien jew xi terazzin, tista’ tipprova tgħallimhom kif ikabbru u jieħdu ħsieb il-pjanti, fjuri, frott u ħaxix.
  3. Agħmlu l-luminata flimkien – jekk it-tfal tiegħek iħobbu jixorbu l-luminata artifiċjali, li tagħmel ħafna ħsara lis-saħħa u lis-snien, uża l-vaganzi tas-sajf biex flimkien tagħmlu luminata friska u bnina fid-dar.
  4. Ħudhom jaraw il-friefet il-lejl – l-iljieli sajfin huma perfetti biex wieħed josserva l-friefet il-lejl. Dawn ġeneralment joħorġu fil-ħin meta tkun nieżla x-xemx u faċilment tarahom hekk kif il-mod li jtiru mhux bħal dak tal-għasafar.
  5. Iddedika ħin sabiex jaraw l-istilel – l-iljieli sajfin huma l-aktar ideali biex wieħed imur jara l-istilel minħabba n-nuqqas ta’ sħab fis-sema. Biex tinnota l-istilel mhux neċessarjament ikollok apparat speċifiku u tista’ tagħmel dan f’żoni fejn m’hemmx dwal qawwijja.
  6. Araw film barra – jekk għandek ġardina jew bitħa, tista’ tara film mat-tfal barra, b’xi ftit popcorn jew ikla tajba.
  7. Ħudhom dawra bil-karozza – jew Għawdex jew Malta, dawra bil-karozza tista’ sservi bħala avventura ħelwa mat-tfal.