Kif tista’ tiffranka l-ilma fi żmien il-coronavirus?

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-ilma appellat sabiex il-pubbliku jibda jiffranka l-ilma billi jwaqqaf id-drawwiet ħżiena u japprofitta minn dan iż-żmien tal-pandemija biex jagħmel il-bidla meħtieġa.

Kif tista’ tuża’ l-ilma b’mod aktar effiċjenti?

L-aġenzija tkellment dwar diversi modi li wieħed jista’ jadotta bil-għan li l-ilma jintuża b’mod aktar effiċjenti, għaqli u finanzjarjament aktar sostenibbli, waqt li jsaħħaħ is-sigurtà.

Spjegat kif ta’ kuljum nistgħu nagħtu attenzjoni aħjar għall-konsum tal-ilma, biex nippruvaw nillimitaw l-użu eċċessiv u mhux meħtieġ partikolarment f’ċertu attivitajiet jew waqtiet tal-ġurnata, u li mhumiex direttament marbuta maż-żamma tal-iġene personali tagħna. Sostniet li fir-rutina ta’ kuljum, il-pubbliku għandu jipprova jibda jintroduċi drawwiet tajba sabiex jiffranka l-ilma.

“Niftakru li ftit attenzjoni llum minn kull wieħed u waħda minna, se jkun qed jgħin biex nippreservaw ir-riżorsi tagħna għal għada. Il-ftit li nistgħu nagħmlu flimkien, iwassal biex niffrankaw ħafna, għal xulxin,” irrimarkat l-aġenzija.

Modi kif tifranka l-ilma fid-dar skont l-aġenzija

  • Billi iġbor u tuża mill-ġdid l-ilma li tkun diġa użajt għat-tisjir. Ladarba dan l-ilma jkun kesaħ, jista’ jintuża għal skopijiet marbuta maż-żamma tal-ġnien u pjanti.
  • Jekk tkun qed tgħalli l-ħaxix, uża dan l-istess ilma fil-proċess biex tagħmel soppa.
  • Żomm buqar ħdejn il-vit tal-kċina, biex b’hekk tkun tista’ tiġbor kwalunkwe ilma li jista’ jinħela meta tkun qed tistenna li jisħon l-ilma li jkun ħiereġ mill-vit. Eventwalment, dan l-ilma li jkun irnexxielek tiġbor, tista’ tużah fit-tisqija tal-pjanti ta’ ġewwa jew fil-ġnien.
  • Meta taħsel il-platti bl-idejn, qatt tħalli l-ilma nieżel kontinwament u dejjem agħlaq il-vit sew biex ma jqattarx ilma bla bżonn.
  • Aħsel il-platti ġo sink mimli bi ftit ilma u wara laħlaħhom billi tuża l-aerator li jkun imwaħħal mal-vit.
  • Meta tuża l-washing machine, aħsel biss meta jkollok bżonn tagħmel load sħiħa u uża l-iqsar cycle possibbli biex taħsel il-ħwejjeġ tiegħek. Qabel tibda l-ħasla tiegħek permezz tal-washing machine, agħżel ‘suds-saver’ mill-preferenzi li tipprovdilek l-istess magna.
  • Meta tkun se taħsel xi qmis li tuża ta’ kuljum biex tmur għax-xogħol biha, minflok titfagħha għall-ħasil, tista’ tgħaddiha malajr bil-ħadida tal-mgħodija jew perriċha biex titnaddaf.
  • Bl-istess mod, meta jkollok bżonn tnaddaf l-iskutella tal-ilma tal-pet tiegħek, uża l-ilma l-qadim biex issaqqi l-pjanti tad-dar tiegħek minflok tarmih.

L-aġenzija insistiet li wieħed qatt m’għandu jarmi l-ilma fid-drain jew toilet meta jista’ jkun hemm użu ieħor għal dan l-istess ilma li tkun għadek hemm użajt, bħal per eżempju għat-tisqija ta’ pjanti jew tindif.

Modi kif tifranka l-ilma fil-kamra tal-banju skont l-aġenzija

  • Tista’ tagħżel li tieħu doċċa ta’ malajr, minflok tieħu banju mimli ilma.
  • Jekk id-doċċa li tieħu żżommha qasira, tkun qed tiffranka l-ilma.
  • Bl-għan li żżomm ħin tad-doċċa li tkun qed tieħu, tista’ tagħzel li tisma’ d-diska favorita tiegħek, u li tkun twila erba’ minuti, sabiex waqt li tkun qed tinħasel u tkanta magħha, tipprova ttemm id-doċċa tiegħek qabel ma tispiċċa d-diska wkoll.
  • Waqqaf l-ilma meta tkun qed tindilek bix-xampù. Barra minn hekk, waqt li tkun qed tinħasel, poġġi barmil fid-doċċa, sabiex waqt li tinħasel tkun tista’ tiġbor l-ilma żejjed. Wara x-xower, tkun tista’ tuża dan l-ilma minflok tifflaxxja t-toilet.
  • Meta tkun qed taħsel snienek agħlaq il-vit biex ma taħlix ilma u uża ftit ilma biex taħsel it-toothbrush. Jekk tagħmel hekk, tkun qed tiffranka sa madwar 80% tal-ilma li normalment tuża.
  • Meta tkun qed tqaxxar il-leħja, evita li tħalli l-vit bl-ilma nieżel għalxejn, u minflok uża skutella żgħira bl-ilma fiha.
  • Tifflaxxjax it-toilet bla bżonn u anke hawn tista’ tuża anqas ilma, saħansitra bejn 40% u 50%, meta jkunu installati low-flush toilets apposta.

Aktar pariri mill-aġenzija

  • Ladarba bosta qed jużaw il-vetturi tagħhom ħafna inqas minn qabel, jistgħu jevitaw li jaħslu l-karozza li din mhux qed tintuża.
  • Wieħed għandu jagħżel li jaħsel fil-ħinijiet tal-ġurnata li jkunu l-aktar friski u jevita li jużaw l-ilma għat-tisqija tal-pjanti fil-ġnien fil-qilla tax-xemx jew meta jkun hawn ġranet bir-riħ sabiex innaqqsu l-evaporazzjoni tal-ilma.
  • F’dawn il-jiem partikolari wieħed jista’ juża l-ħin tiegħu d-dar biex jippjana ideat ta’ kif jista’ jsebbaħ l-ġonna bi pjanti lokali u li allura jeħtieġu inqas ilma.
  • Tista’ tiksi l-ħamrija b’mulch sabiex iżżomm l-umdità fil-ħamrija.

“Il-konsum tal-ilma fid-djar tagħna ogħla min-normal”

Bħalissa, il-konsum tal-ilma fid-djar huwa ogħla min-normal. L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qalet li dan minħabba l-coronavirus u l-miżuri tad-distanzi soċjali li qed iwasslu biex il-membri kollha tal-familja jqattgħu aktar ħin fid-dar. Qalet li b’hekk, l-attivitajiet fid-dar bħall-ħasil tal-ident, l-ifflaxxjar tat-toilet u attivitajiet bażiċi oħrajn żdiedu u magħhom żdied il-konsum tal-ilma.

L-aġenzija rrimarkat kif il-ħasil tal-idejn aktar fit-tul sar l-aktar punt enfasizzat kontinwament mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala mezz ta’ prevenzjoni kontra t-tixrid tal-virus. “Il-verità hi li meta naħslu jdejna sew, mhux biss inkunu qed innaqsu l-possibbiltà li dan il-virus jinxtered, iżda nistgħu nnaqqsu ċ-ċans ta’ tixrid ta’ mard ieħor li hu komuni bħal mhi l-influwenza,” irrimarkat l-aġenzija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn