Kif tista’ tgħin lill-Victory Kitchen tibqa’ tgħin lil dawk fil-bżonn?

Jekk tixtieq tgħin lill-Victory Kitchen fil-ħidma tagħha biex tgħin lil persuni fil-bżonn, issa se jkun qed isir l-ewwel avveniment ta’ ġbir ta’ fondi għal din l-entità. Il-Victory Kitchen hija organizzazzjoni tal-karità tal-ikel bl-intenzjoni unika li tipprovdi ikel lil kemm jista’ jkun nies matul dawn iż-żminijiet diffiċli.

Fi stqarrija kien spjegat kif il-fundatur ta’ Victory Kitchen, Rafel Sammut, qed jorganizza għawma ta’ 15-il kilometru miċ-Ċirkewwa, madwar Kemmuna sa Għawdex, li se ssir nhar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru.

Matul l-aħħar xhur, kemm Sammut, kif ukoll koki oħrajn lokali rnexxielhom jitimgħu mas-7,000 familja billi pprovdew aktar minn 20,000 ikla.

“Aħna bi ħsiebna nkomplu s-servizzi tagħna fuq bażi permanenti u saħansitra nisperaw li nilħqu aktar nies matul ix-xhur li ġejjin,” qal Sammut. “Għalhekk qed norganizzaw din l-għawma. Irridu nqajjmu kuxjenza dwar Victory Kitchen. Jekk nirċievu aktar appoġġ, inkunu nistgħu ngħinu aktar familji fil-bżonn.”

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni, tista’ tagħmel dan permezz ta’ dawn il-modi:

  • Revolut fuq +356 99441950 jew +356 79796171
  • Permezz tal-BOV Mobile fuq +356 99906056

Meta tagħmel id-donazzjoni tiegħek, uża l-kliem ‘Support Victory Kitchen’ fid-deskrizzjoni tad-donazzjoni.
 
“Nixtieq nirringrazzja lil kull min appoġġjana sal-lum. Għandna bżonn kull tip ta’ għajnuna u nittamaw li dan l-avveniment ta’ ġbir ta’ fondi jgħinna nqajjmu aktar kuxjenza biex inkomplu nitimgħu aktar nies fil-bżonn,” sostna Sammut.

Għal aktar informazzjoni dwar Victory Kitchen idħol fuq s-sit www.victorykitchenmalta.org