Kif tippjana l-ikliet tiegħek…biex tiekol bnin

‘Tgħid x’nieklu llejla?’ Ġieli sibt ruħek bejn ħaltejn għax ma tkunx taf x’se taqbad issajjar?  U tispiċċa jew iġġib xi takeaway jew tiftaħ il-friġġ u tnaqqar kull ma ssib fiha, tajjeb għas-saħħa u mhux!  Iżda jekk tippjana sew l-ikliet tiegħek, dan għandu jsolvilek il-problema. L-ippjanar tal-ikel għandu jingħata importanza daqs l-ikla nnifisha. Mhux biss jagħmillek ħajtek iktar faċli, imma tispiċċa tiffranka ħafna flus għax titnaqqas il-ħela.
Ħafna nies jaħlu u jarmu ħafna ikel. Ħafna drabi nsajru wisq u nispiċċaw inħallu jew ninsew l-ikel fil-friġġ. Jekk nippjanaw tajjeb l-ikliet tagħna, dan kollu nistgħu nevitawh.
Nistgħu ukoll nevitaw xiri ta’ prodotti żejda li ħafna drabi ma jkollniex bżonnhom jew li nixtruhom u jmorru fuq l-irjus. Għalhekk l-ippjanar tal-ikliet tagħna jista’ jservi wkoll biex ikollna xirja iktar organizzata.
Nistgħu ninvestu f’kontenituri tajbin li fihom niffriżaw porzjonijiet li jistgħu jittieħdu bħala kolazzjon, għall-iskola jew għax-xogħol. Il-fdalijiet li jkollna, jistgħu faċilment ikunu ffriżati wkoll, biex nużawhom f’każ ta’ emerġenza meta ma nsibux ħin biex insajru. B’hekk ukoll ma nispiċċawx nieklu l-imbarazz. 
Kif nistgħu nippjanaw l-ikliet tagħna? Jekk inti mdorri tagħmel ix-xirja l-kbira s-Sibt pereżempju, tajjeb li flimkien mal-membri tal-familja ssib ftit ħin qabel biex tippjana dak li tkunu se tieklu matul il-ġimgħa – kemm f’dak li huwa kolazzjon, kif ukoll ikliet prinċipali. Pereżempju, jekk se ssajjar il-minestra f’nofs il-ġimgħa, allura tista’ tixtri l-ħaxix xorta s-Sibt, tqattgħu bil-lest għall-gosti tiegħek u tiffriżah imqatta’ lest. Meta tkun se ssajru, malli tqum jew tiġi mix-xogħol kemm titfgħu fil-borma u tħallih isir. B’hekk tkun frankajt ħafna ħin li jkun limitat iktar matul il-ġimgħa. Barra minn hekk, teħles minn ħafna tensjoni żejda li ġġib magħha l-għaġla u l-ħin limitat.
Jien personalment, meta ma nippjanax l-ikliet tieghi, inħoss li jkun aktar diffiċli biex niekol ikla bilanċjata, ikel li jagħtina dak is-sodisfazzjon li tista’ tagħtina ikla tajba.   
Punti importanti li tista’ tagħmel:
1. Ipprepara lista ta’ dak li se tixtri għal ġimgħa
Agħżel riċetti tajbin u varjati minn qabel u ppjana skont il-ħin disponnibli għalik f’dik il-ġurnata partikolari.
2. Żomm djarju b’ertu riċetti favoriti li tista’ ssajjar ta’ malajr
F’każ li ma jkollokx ħin biżżejjed jew jekk jinqala’ xi ħaġa li ma jkollokx kontroll fuqha.
3. Sajjar għal aktar minn darba
Zlazi u ħafna ikel ieħor jiffriża tajjeb. Jekk issajjar għal aktar minn darba u tiffriża żżejjed, tkun tista’ tagħmel użu minnu jekk ma jkollokx ħin issajjar.
4. Ċertu ikel jista’ jiġi ppreparat
Qatta’ l-ħaxix u l-ingredjenti l-oħra bil-lest imbagħad kemm titfgħu ġol-borma.
Meta nidħlu fir-rutina ta’ dan kollu, naraw kemm verament nistgħu nnaqqsu mill-istress żejjed li jġib miegħu nuqqas ta’ ppjanar. L-ikla t-tajba!
 
Għal aktar pariri siewja fuq il-ħajja ta’ kuljum, żur is-sezzjoni Lifestyle fuq Newsbook.com.mt u segwi l-programm Insellimlek ma’ Sonia Young kuljum fuq RTK 103FM bejn it-3pm u l-4.30pm.

Ritratt minn Katemangostar, freepik.com