Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li wieħed jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

1) Il-burdata tinbidel

2) Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn; ir-riċerka turi li  persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.

3) Tibdil drastiku fl-apparenza: L-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.

4) Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

Skont Dr Mark Xuereb, konsulent tal-Kriżijiet u jmexxi l-Crisis Resolution Malta, fost iż-żgħażagħ, li wieħed iweġġa’ lilu nnifsu u l-attentat possibilment komplut ta’ suwiċidju ħafna drabi jkun impulsiv.

Il-Psikjatra stqarr ma’ Newsbook.com.mt li fost żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena, is-suwiċidju huwa t-tieni l-iktar kawża komuni ta’ mewt wara l-inċidenti tat-traffiku.

Bħal kull mard ieħor, kompla l-psikjatra, jekk wieħed jilqa’ mill-bidu ikun hemm iktar ċans li wieħed jirkupra f’inqas żmien.

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.