Kif tinduna li persuna hija vittma ta’ traffikar uman?

Read in English.

Il-Gvern Malti qed jaħdem fuq kampanja bl-isem ta’ Human, Like You sabiex iqajjem kuxjenza dwar it-traffikar uman. Fost l-inizjattivi, il-Gvern nieda ktejjeb li jispjega bosta fatturi dwar din it-tip ta’ kriminalità fejn fost l-oħrajn jispjega kif wieħed jista’ jidentifika vittma ta’ traffikar uman.

Ġie spjegat li t-traffikar uman huwa kriminalità internazzjonali li tinvovli miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal li jiġu kkontrollati minn individwi oħrajn għal raġunijiet ta’ sess, xogħol jew skjavitu. Intant, it-traffikanti jagħmlu ħafna flus permezz ta’ din il-kriminalità.

Aqra: Imnedija kampanja nazzjonali kontra t-traffikar uman

Ħafna drabi dawn il-persuni jkunu f’għajnejn il-pubbliku

Id-dokument jispjega kif it-traffikar uman ħafna drabi jkun f’postijiet pubbliċi u f’għajnejn il-pubbliku dan mhux faċli li wieħed jinduna bih mad-daqqa t’għajn. Minkejja dan, ġie spjegat li hemm numru ta’ sinjali li juru li persuna partikolari tkun qed tiġi kkontrollata minn persuna oħra. Indikatur wieħed jista’ jkun l-apparenza fiżika tal-persuna, il-mod kif jaġixxi fil-pubbliku, u l-attitudni tiegħu għall-persuni ta’ madwaru.

Intqal li persuni li jkunu vittmi ta’ traffikar uman jgħaddu minn perjodi twal ta’ abbuż psikoloġiku u umiljazzjoni. Huma ġieli jgħaddu wkoll minn abbuż fiżiku u sesswali. Jidhru mistħija, imfixkla u jibżgħu ħafna mill-konsegwenzi tal-affarijiet li jagħmlu. Ħafna drabi ma jirnexxielhomx jagħmlu kuntatt bl-għajnejn ma’ persuni tal-madwar.

Il-vittmi jkunu jidhru għajjenin

Il-vittmi ġeneralment jidhru għajjenin ħafna, li jkunu għaddejjin min-negliġenza u anke maħmuġin. Huma ġeneralment ikunu lebsin l-istess ħwejjeġ li ħafna drabi ma jkunux it-tip ta’ ħwejjeġ li wieħed jilbes għax-xogħol li qed jagħmlu jew għall-kundizzjonijiet tat-temp. Ġieli wkoll ma jingħatawx tgħamir tas-sigurtà.

Il-ktejjeb jispjega kif vittmi barranin, ħafna drabi jkunu projbiti milli jitkellmu ma’ persuni oħrajn u ħafna drabi l-persuni li jkunu qed jitraffikawhom jgħidu li huma jservu bħala interpreti tagħhom u jitkellmu f’isimhom. It-traffikanti jgħidu lill-vittmi sabiex ma jitkellmux mal-awtoritajiet għax jekk jagħmlu hekk jiġu deportati, fl-istess ħin dawn jheddu lill-istess vittmi li jekk jiksru l-kundizzjonijiet imposti fuqhom jirrappurtawhom lill-awtoritajiet.

It-traffikanti jikkontrollaw il-moviment tal-vittmi tagħhom

It-traffikanti umani ħafna drabi jikkontrollaw il-moviment fiżiku tal-vittmi tagħhom, speċjalment meta dawn ma jkollhomx dokumenti x’juru. Huma dejjem ikunu akkumpanjati mill-istess persuna, speċjalment meta jkunu f’postijiet pubbliċi jew f’xi uffiċċji pubbliċi. Il-vittmi jistgħu jiġu wkoll innutati li qed jiġu trasportati minn post għall-ieħor jew b’mod individwali jew bħala grupp.

Il-vittmi ħafna drabi jkunu qed jgħixu f’akkomodazzjonijiet xejn komdi u li ħafna drabi jkunu maqsumin ma’ għexieren ta’ persuni oħrajn li bħalhom ikunu qed jiġu traffikati. Hemm persuni li jkollhom jgħixu fl-istess post fejn qed jaħdmu. Intqal ukoll li t-traffikanti ġeneralment jibdlu l-post tar-residenza tal-vittmi tagħhom b’mod regolari sabiex l-awtoritajiet ma jindunawx bihom.

Aqra aktar minn hawn.