Kif tinduna b’karti foloz tal-ewro?

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed iwissi lill-pubbliku biex dejjem joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti.

Fi stqarrija, spjega li permezz tat-test FEELLOOKTILT, wieħed faċilment jagħraf karta ġenwina minn waħda falza. Tista’ ssib spegazzjoni ta’ dan it-test fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Fl-istess waqt fakkar li kull min jirċievi karti suspettużi għandu jċempel lill-Pulizija fuq 2294 2120 jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/3, inkella jibgħat imejl lill-Bank fuq nccmt@centralbankmalta.org. Il-Bank saħaq li huwa disponibbli li jagħti sapport lil kwalunkwe entità lokali li teħtieġ l-assistenza.

24% inqas fi flus foloz

Intant fl-istess stqarrija żvela li l-ammont ta’ karti foloz tal-flus irtirati fl-2018 kien ta’ 677, 24.2% inqas mis-sena ta’ qabel.

Bejn Lulju u Diċembru l-iktar li nstabu kienu karti tal-€20 u tal-€50. Ġiet irreġistrata żieda fil-karti tal-€50 u tnaqqis f’tal-€20.

Il-karta tal-€50 kienet l-iktar famuża fost il-karti tal-flus foloz f’Malta kif ukoll fiż-Żona Ewro.