“Kif tħallew aktar minn 10 iklieb ġo residenza privata?” – AAA

Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati (AAA) qalet li filwaqt li jiddispjaċiha għat-traġedja li ħatfet ħajjet il-vittma ta’ 95 sena u l-kelb tagħha, il-klieb li attakkaw lill-vittma huma vittmi wkoll, u staqsiet kif tħallew dawn il-pitbulls ġo residenza privata.

Ilbieraħ waranofsinhar, anzjana u kelb instabu mejtin f’residenza fi Triq Antonio Sciortino fl-Imsida. L-anzjana ta’ 95 sena u l-kelb tagħha kienu attakkati żewġt iklieb oħrajn, skont ma qalet il-Pulizija. Infetħet inkjesta fuq il-każ.

Għall-kuntrarju ta’ li qalet il-Pulizija, l-assoċjazzjoni qalet li kien hemm aktar minn 10 iklieb f’dan l-attakk, li kienu tan-neputi tal-anzjana. L-assoċjazzjoni ddeskriviet lill-klieb bħala vittmi, u qalet li għandna nieqfu nwaħħlu f’min hu innoċenti.

Our hearts go out to yesterday's victim.An elderly woman and a chihuahua who were mauled to death by her nephew's…

Posted by Association for Abandoned Animals on Monday, September 7, 2020

Hija sostniet li l-awtoritajiet iridu jwieġbu mistoqsijiet pertinenti fuq dan il-każ, bħal kif 10 pitbulls tħallew ġo residenza privata, kemm-il darba ġie rrappurtat sidhom u jekk qattx ittieħdet azzjoni. Staqsiet ukoll jekk il-klieb kinux jinżammu maqfulin u jekk kinux imsawtin minn sidhom.

L-assoċjazzjoni stqarret li hi tafhom it-tweġibiet imma ma jiddependix minnha li twieġeb, madankollu hija jiddispjaċiha għall-annimali li ma jistgħux isemmgħu leħinhom. Temmet tgħid li t-traġedja tal-bieraħ setgħet ġiet evitata, billi dan kien riżultat tal-abbuż tal-annimali.