Kif s’issa fiequ 2 pazjenti biss f’Malta?

Prof. Michael Borg, il-Kap tas-Sezzjoni tal-Prevenzjoni tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei spjega li s’issa l-awtoritajiet tas-saħħa jafu li rkupraw żewġ persuni biss f’Malta, minħabba li l-pazjenti tal-coronavirus jiġu ttestjati mill-ġdid 14-il jum wara li jkunu ħarġulhom is-sintomi. Fisser li dan isir skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

“Jiġifieri issa wasal iż-żmien li nibdew nittestjawhom, biex naraw jekk il-mikrobu telaqx” żied jgħid Prof. Borg filwaqt li stqarr li l-COVID-19 xi kultant idum iktar ma jħalli l-ġisem, u li barra minn Malta kien hemm każi fejn il-pazjenti damu ma ħelsu mill-virus aktar minn ġimagħtejn.

Insista li l-importanti hu li dawn il-persuni jkunu stabbli, u li jekk l-infezzjoni tkun ħafifa ħafna, iddum kemm iddum, l-importanti huwa li l-pazjent ikun fieq sew.

Il-Ħadd, Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci , spjegat li meta persuna tinstab li fieqet, xorta tintalab tibqa’ 15-il jum fi kwarantina mandatorja bħala prekawzjoni.

Ilbieraħ f’Malta ġew ikkonfermati żewġ każi ġodda, bit-total jitla’ għal 151 każ. Erba’ persuni jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn