L-assessjar flok l-eżamijiet se jgħodd għall-‘O’ Level

Is-sistema ta’ assessjar kontinwu li se tieħu post l-eżamijiet ta’ nofs is-sena fl-iskejjel primarji u sekondarji se taffettwa wkoll il-marka li student jew studenta ġġib fl-‘O’ Level.
Jumejn ilu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, ħabbar fuq l-istazzjon nazzjonali li mis-sena skolastika d-dieħla ’l quddiem, jiġifieri s-sena 2018-19, mhux se jibqgħu jsiru l-eżamijiet ta’ nofs is-sena.
Ilbieraħ il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonferma dan fi stqarrija, u żied jgħid li flok dawn l-eżamijiet se tidħol sistema ta’ assessjar.
Dan l-assessjar se jkun wieħed kontinwu u formattiv, li jtul is-sena kollha.
Ma’ dil-bidla se jidħlu wkoll sillabi riveduti.
Skont il-Ministeru, dan se jwassal għal valur ogħla mit-tagħlim miksub mill-istudenti tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Fl-istess waqt, se tkun qed titnieda poltika dwar ix-xogħol tad-dar, li fiha se jiġu involuti mhux biss l-edukaturi imma anke l-istudenti u l-ġenituri tagħhom. 
Kif se taħdem is-sistema tal-assessjar u l-‘O’ Level mill-2019-20 'l quddiem?
Se jibda jittieħed perċentwal mill-marki tal-assessjar mill-Form 3 sal-Form 5, li mbagħad kollha flimkien jiżdiedu mal-perċentwal li l-istudenti jġibu mill-marka tal-eżami mfassal u kkoreġut mill-MATSEC għall-‘O’ Level li mbagħad jagħmlu.
Dan it-tibdil fil-marka finali tal-'O' Level se jibda jseħħ minn dawk l-istudenti li se jkunu Form 3 fis-sena skolastika 2019-20.
Dan ifisser li l-ewwel studenti li se jkollhom il-marka tal-assessjar tikkontribwixxi mal-marka tal-'O' Level huma dawk li jagħmluh fis-sena skolastika 2021-22.

L-istess imbagħad jibqa' japplika għal dawk l-istudenti li jiġu fis-snin ta’ wara.
Barra minn hekk il-Ministeru rrimarka li l-eżamijiet tal-‘O’ Level se jibdew isiru fl-iskejjel fejn it-tfal ikunu jattendu.
L-istqarrija ttemm tgħid li dawn il-bidliet saru kollha wara konsultazzjoni mal-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri.
Madankollu kienu bosta dawk l-għalliema li stqarrew li ma jafu xejn b’dan.