​Kif se nasal il-Belt illejla u x’se nsib fin-Notte Bianca

Il-Belt Valletta llejla mistennija tilqa’ eluf ta’ Maltin u turisti li se jkunu qed jattendu għall-avveniment annwali tan-Notte Bianca.
Xalata sħiħa ta’ kreattività
Intant kull min se jattendi se jsib xalata ta’ kreattivitá li se tieħu diversi forom, fosthom mużika, żfin, divertiment, teatru, arti viżwali u diġitali, u wirjiet letterarji.
Mużewijiet b’xejn sa tard bil-lejl
Heritage Malta diġà ħabbret li l-mużewijiet ewlenin tal-Belt se jkunu miftuħa bla ħlas għall-pubbliku, u se jdumu miftuħa sa tard. Il-mużewijiet li se jiftħu din is-sena huma l-Mużew Nazzjonali tal-Arkejoloġija, l-Armerija tal-Palazz, il-Kmamar Statali u l-Forti Sant’Iermu li fiha hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.
Il-mużew tal-Bank Ċentrali ta’ Malta wkoll se jibqa’ miftuħ illejla.
Tista’ wkoll tara l-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof
Opportunità tajba oħra fin-Notte Bianca hija għal dawk li jixtiequ jżuru l-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta li llejla se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku bejn is-7pm u nofsillejl. Il-ġnien tal-palazz se jkun miftuħ ukoll, u minbarra siġar taċ-ċitru, jħaddan fih funtana tas-seklu 17.
Żfin fi Pjazza Teatru Rjal
Il-Pjazza Teatru Rjal se toffri spettaklu ta’ żfin bl-involviment tal-udjenza.
Ċerimonja li tfakkar fil-V18
Ma jistax jonqos li ċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ ta’ Notte Bianca ta’ din is-sena tfakkar fin-nomina tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura 2018.
Kif se nasal il-Belt?
Malta Transport diġà ħabbret arranġamenti speċjali ta’ transport lejn u mill-Belt Valletta sabiex ikun hemm ħinijiet itwal tas-servizz.
Kull min juża l-card Tallinja n-noll ta’ billejl jiswieh €2.50, waqt li dawk li m’għandhomx card, in-noll jiswiehom €3 u jħallsu lix-xufier bil-muniti dak il-ħin. Għal iktar tagħrif, il-konsumaturi jistgħu jċemplu fuq 2122 2000.
Għaldaqstant qed isir appell biex dawk li jużaw it-trasport pubbliku jidħlu l-Belt mid-daħla ewlenija, filwaqt li nies oħra jidħlu l-Belt mill-parti t’isfel.
Tista' tuża wkoll il-Park & Ride jew il-Lift tal-Barrakka
Il-Park & Ride tal-Blata l-Bajda se toffri wkoll servizz estiż sas-1am. Il-lift tal-Barrakka ta’ Fuq se jkun qed jaħdem b’kull biljett jiswa €1.
Wara l-5pm se jingħalaq l-aċċess għall-Belt Valletta bil-karozzi, minbarra għar-residenti.
Bid-dgħajsa, bil-vapur jew bit-taxi
Id-dgħajjes se joperaw shuttle service minn Tas-Sliema għal Marsamxett, il-Belt; u mit-Tlitt Ibliet għal Lascaris, il-Belt u lura. Dan is-servizz jibqa’ għaddej bejn is-7pm u s-2am.
L-Għawdxin jistgħu jserrħu rashom li l-Gozo Channel se jaħdem bl-iskeda tas-sajf.
Is-servizz tat-taxis se jingħata mill-venda tal-karozzi tal-linja tal-Furjana.
Ritratt: Facebook- mojamalta.com