
Read in English.
Wara li lbieraħ il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li persuni vulnerabbli għandhom jibqgħu miġbura fi djarhom b’effett mis-Sibt 28 ta’ Marzu 2020.
In-nies li se jkunu affettwati minn din il-liġi huma:
- Persuni ta’ aktar minn 65 sena
- Persuni li huma dijabetiċi fuq l-insulina
- Persuni li qegħdin fuq mediċina ‘biological’
- Persuni li kellhom kanċer f’dawn l-aħħar 6 xhur
- Persuni li għandhom ‘imune supression’
- Persuni li qegħdin fuq ‘dialysis’
- Nisa li huma tqal
- Persuni li għandhom mard respiratorju u fl-aħħar 6 xhur daħlu l-isptar
- Persuni li għandhom mard tal-qalb u fl-aħħar 6 xhur daħlu l-isptar
- Persuni li jmorru l-klinika tal-‘heart failure’
- Persuni li qegħdin fuq ‘oral steroids’.
Kuntrarju għal dak imħabbar mill-Professur Charmaine Gauci dalgħodu, mhux se jkun hemm ħtiega li wieħed japplika għall-permess biex tigi eżentat.
Il-Gvern spjega li jeżistu eżenzjonijiet għal persuni li huma milquta minn din il-miżura. Il-persuni li jistgħu jkunu eżentati għandhom japplikaw biex joħorġu minn djarhom biex:
- Jattendu appuntamenti mediċi jew jirċievu xi forma ta’ kura jew trattament mediku
- Jixtru ikel, mediċinali u neċessitajiet oħra
- Jattendu ħtiġijiet personali li huma assolutament essenzjali jew urġenti.
Persuni jistgħu joħorġu minn djarhom għal ħtiġijiet personali u urġenti li jinkludu:
- Persuna vulnerabbli li f’okkażjoni jeħtieġ tidħol xogħol essenzjali għal ħin limitat
- Persuna vulnerabbli li jeħtieġ teżerċita l-aċċess favur uliedha skont ordni ta’ Qorti kompetenti
- Persuna vulnerabbli li jeħtieġ titma’ u tikkura l-annimali tagħha li jistgħu jkunu jinsabu f’post ieħor li mhux id-dar tagħha
- Persuna vulnerabbli li jeħtieġ tmur il-Bank
Persuni li jgħixu fl-istess dar ma’ persuni vulnerabbli għandhom joħorġu biss biex imorru għax-xogħol, biex jagħmlu xiri essenzjali, biex jattendu appuntamenti mediċi u jeżerċitaw l-aċċess favur uliedhom skont l-ordni ta’ Qorti kompetenti.
Persuni li huma vulnerabbli jistgħu jiġu eżentati kompletament minn din il-miżura jekk il-persuna taħdem fil-qasam tas-saħħa jew hija f’pożizzjoni ta’ tmexxija f’oqsma essenzjali.
Persuni vulnerabbli li huma milquta minn din il-miżura jistgħu japplikaw għall-miżuri mħabbra mill-Gvern. Il-Gvern spjega li din il-miżura se tibqa fis-seħħ skont l-aġġornamenti ta’ kuljum relatati mal-COVID 19 u sakemm ma jkunx hemm avviż xort’oħra.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.