Kif se jkun il-ftuħ tal-finali tal-Eurovision 2019?

Ritratt; Andres Putting

Filwaqt li llum l-Erbgħa 8 ta’ Mejju m’hemmx provi ta’ aktar kanzunetti, ġie żvelat kif se jkun il-ftuħ tas-serata tal-finali tal-Eurovision Song Contest għas-Sibt 18 ta’ Mejju, meta dak inhar jipparteċipaw 20 kanzunetta finalista, 10 minn kull semi finali, kif ukoll il-pajjiżi magħrufa bħala l-Big 5, li kull sena jsib postu fil-finali, u magħha l-Iżrael, bħala l-pajjiż ospitanti.

Biex jiċċelebraw il-finali tal-64 edizzjoni, kif ukoll l-20 sena anniversarju minn mindu l-Iżrael organizzat il-Eurovision Song Contest l-aħħar darba, il-ftuħ se jitħalla f’idejn bosta artisti li ħallew il-marka tagħhom fl-istorja tal-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-Eurovision Song Contest.

Netta, ir-rebbieħa tal-edizzjoni tas-sena l-oħra se tieħu lill-udjenza u l-finalisti ta’ din is-sena fuq vjaġġ uniku billi titwassal il-mużika minn Im Ninalu, poeżija storika li hija kantata f’bosta ċelebrazzjonijiet tradizzjonali, għalkemm ħafna wkoll jassoċċjaw mal-kantanta Ofra Haza li mietet fis-sena 2000 iżda li kienet kisbet lill-Iżrael it-tielet post fil-Eurovision Song Contest tal-1983 bil-kanzunetta Hi.

Dana international li fl-1998 rebħet il-Eurovision bis-silta Diva, mistennja tiftaħ l-ispettaklu fuq il-palk billi twassal is-silta Tel Aviv ta’ Omer Adam kif ukoll l-ikbar suċċess tagħha, Diva.

Imbagħad se jkunu fuq il-palk il-kantanta Ilanit, l-ewwel parteċipanta għal Iżrael fl-1973 li twassal il-kanzunetta tagħha Ey Sham, segwita mill-kantant Nadev Guedj li jwassal silta mill-kanzunetta tiegħu tal-2015 Golden Boy, li tinkludi fil-lirika l-versi “Let me show you Tel Aviv).

U waqt li jkun għaddej dan l-ispettaklu mhux se tonqos il-parata tal-bnadar li jkompli jqajmu l-atmosfera fost l-udjenza brijuża preżenti fl-arena biex issegwi l-finali tant mistenni.